Għaddejjin taħditiet, bil-parteċipazzjoni tal-Gvern, bil-għan li jkun hemm l-espansjoni tal-Convention Centre f’Ta’ Qali. Ħabbar dan il-Prim Ministru Robert Abela, waqt li kien qed jieħu sehem fil-programm ‘Popolin’ fuq ix-xandir nazzjonali.
Preżentament iċ-ċentru li hemm bħalissa mhux biżżejjed biex jilqa’ għal kobor ta’ avvenimenti li qed jiġu f’pajjiżna.
Dr Abela serraħ ras id-dilettanti tal-muturi li t-trakka, li hemm biswit l-MFCC, se tibqa’ f’postha.
Dwar it-trakka tal-karozza f’Ħal Far, il-Prim Ministru qal li hemm il-fondi allokati biex jitwettaq u x-xogħol għaddej u se jibqa’ għaddej.
Waqt dan il-programm, il-Prim Ministru fisser il-miżura tat-tax cut li ddaħlet din is-sena għall-familji Maltin u Għawdex.
“Eżempju xi tfisser tax cut għal żewġ ġenituri li jaħdmu b’żewġt itfal. Tfisser li fil-but tagħhom fl-aħħar tas-sena se jifdal €1,800 iżjed. Wegħdna li nagħtu €66 miljun f’tax cuts, iżda minflok tajna €140 miljun – jiġfieri aktar mid-doppju. Għala stajna nagħmlu dan? Għax għandna ekonomija li qed trendi, li rnexxielna nkabbru l-kejk ekonomiku u meta l-kejk tibda taqta l-islices minnu għandna x’nistgħu nqassmu aktar.”
Il-Prim Ministru Robert Abela