Dan il-Gvern se jara li ssir ġustizzja ma’ kulħadd.
Dan intqal mill-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela wkoll fil-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista f’Manoel Island.
Dr Abela tkellem b’konvizjoni dwar ir-riformi li għamel f’dawn l-aħħar sena u nofs u x’għad irid jagħmel iżjed.
Il-Prim Ministru qal, “Kellna bżonn riformi radikali fil-mod kif immexxu dan il-pajjiż lejn wieħed li jemmen f’governanza tajba, u b’istituzzjonijiet b’saħħithom li ma jħarsu lejn wiċċ ħadd. Jien konvint mis-saltna tad-dritt. Bħala avukat li għext fil-Qrati tal-Liġi għal snin, nemmen fil-ġustizzja. U se nara li ssir ġustizzja ma’ kulħadd.”
Dr Abela rrimarka li l-poplu għandu għażla quddiem, fuq min jafda lil dan il-pajjiż.
“Tħallu l-ħadd jgħidilkom li din hija għażla bejn xi ħadd ħażin, u xi ħadd agħar. Intom tafu tagħmlu l-għażliet tagħkom u n-nies baqgħu magħna propju għax f’dawn il-mistoqsijiet importanti għall-ħajja tal-familji u n-negozji, taż-żgħażagħ u l-anzjani, huwa biss dan il-moviment li għandu r-risposta għalihom”, saħaq il-Mexxej Laburista.
Waqt dan id-diskors, il-Prim Ministru Robert Abela qal kif dan il-Gvern tkellem ukoll dwar il-familji u l-ispazji miftuħa li jrid jara Malta miżgħuda bihom.
Qal, “Insemmi Wied Fulija fiż-Żurrieq. Dawwarna miżbla ta’ 90 tomna f’ġenna tan-natura. F’Ta’ Qali se jkollna l-ikbar spazju miftuħ f’pajjiżna, fejn fabbrika tal-konkrit abbandunata twaqqghet biex is-sit jigi rijabilitat f’ħaxix aħdar, fejn familja tmur tistrieħ u tirrilassa flimkien. Għalaqna għal kollox l-impjant tal-31 ta’ Marzu f’Birżebbuġa u f’Bengħajsa se jkollna park mill-isbaħ. Fil-Marsa, sejrin nirriġeneraw is-sit tal-eks power station.”
F’dan diskors ta’ kuraġġ lejn il-futur, il-Mexxej Laburista qal kif il-Gvern wasal biex jiffinalizza miżura mal-banek li tagħti opportunità lil nies li għandhom xi diżabilità jew kienu morda biex ikollhom jieħdu self u fost oħrajn jixtru proprjetà u hekk isiru sidien ta’ djarhom.
B’umanità liema bħala ta’ mexxej li jaħseb f’kulħadd, il-Prim Ministru qal li hu ma jistax jibqa’ passiv quddiem realtajiet soċjali differenti.
“Għiduli, kif stajt nibqa ċass quddiem il-weġgħa ta’ dik il-persuna li mardet bil-kanċer meta kienet iżgħar fl-età u llum li fieqet xorta waħda ma tistax tixtri darha u tibni familja, għax il-Bank mhux isellifha? Daqs kemm stajt nibqa’ ċass meta xhur ilu kont iltqajt ma’ min ibati minn Cystic Fibrosis u ma setgħetx tixtri l-medicina li tiswa għexieren ta’ eluf ta’ ewro. Niftakar qaltli qabel telqet minn ħdejja, ħajti f’idejk issa. Tajtha kelma, u żammejtha”, saħaq il-Prim Ministru.