Fi żmien diffiċli li pajjiżna affaċċja pandemija bħad-dinja kollha, Gvern Laburista offra biss serħan il-moħħ lill-poplu Malti u Għawdxi.
Iddikjara dan il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela f’attività politika fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista l-Ħadd filgħodu, fejn saħaq li b’differenza għal pajjiżi oħra, pajjiżna jinsab f’kundizzjoni tajba u ma waqafx jinvesti fin-nies.
Qal kif, “Gvern li joffri s-serħan il-moħħ. Dan huwa Gvern li f’pandemija offra s-serħan il-moħħ lill-poplu tagħna li se jinvestu fih. Dawn kienu xhur li flok ħadna l-politika tal-awsterità, investejna fin-nies.”
Il-Prim Ministru fakkar fil-kunċett ta’ Tim Malta, fejn appella biex kulħadd jagħżel l-imħabba fuq il-firda, il-paċi fuq il-ġlied u biex inwarrbu l-mibegħda. Hawnhekk huwa estenda l-id tal-ħbiberija għal min għandu lil Malta u Għawdex għal qalbu.
Sigħat qabel ma f’pajjiżna waslet l-ewwel kunsinja tal-vaċċin tal-AstraZeneca, Robert Abela qal li jinsab ħerqan li l-proċess tat-tilqim f’Malta se jkompli jimxi ’l quddiem, saħansitra b’ġimagħtejn.
Robert Abela semma li anki f’kuntest ta’ pandemija, pajjiżna ma waqafx iwettaq.
Spjega, “Flok refa’ l-piż hu ħa mingħand il-ħaddiem. Aħna bil-kontra. Il-festi pubbliċi kollha li jaħbtu fi tmiem il-ġimgħa erġajna tajnihom lill-ħaddiema u dak kollu li ħa Gonzi PN mill-ħaddiema aħna tajnih lura.”
Il-Prim Ministru nnota li f’dan it-tmiem il-ġimgħa, aktar minn erbgħa u erbgħin elf anzjan u anzjana bdew jirċievu pagamenti b’rati ġodda u aħjar marbuta mal-Għotja għall-Anzjani u l-bonus għall-persuni li ma kinux ħallsu bolol biżżejjed biex jieħdu l-pensjoni.
Robert Abela semma l-iskemi tal-Covid Wage Supplement, il-vawċers u l-moratorji u saħaq li dawn se jibqgħu jingħataw sakemm ikun hemm bżonn.
Qal, “Minn dakinhar li nedejna l-Pjan ta’ Riġenerazzjoni Ekonomika, inħoloq 1,800 impjieg ġdid. Dan meta jien ngħid li pajjiżna sejjer tajjeb. Dawn il-fatti ma jista’ jmerihom ħadd.”
Il-Mexxej Laburista tenna l-bżonn li l-Oppożizzjoni tkun aktar preżenti fit-tfassil tal-politika ta’ pajjiżna.
Sostna, “Nixitieq li jkollna Oppożizzjoni u tgħidilna din hija viżjoni li għandna għal pajjiżna u mhux ħa nkun supperv għax idea ġejja mill-Oppożizzjoni nwarbuha. Le.”
Il-Prim Ministru Abela temm jgħid li minkejja l-ħidma kbira li qed iwettaq il-Gvern, għad hemm sfidi x’jiġu megħluba u dan il-Gvern huwa kommess li jibqa’ jipprovdi direzzjoni pożittiva għal pajjiżna.
Qal, “Importanti li nibqgħu naħdmu flimkien. Importanti li nibgħu ngħollu isem dan il-pajjiż ‘il fuq. Nibqgħu nibżgħu għal isem pajjiżna barra minn xtutna. Ejja nħobbu lil pajjiżna. Ejja nħobbu lil dak li jagħmilna Maltin u Għawdxin. Determinat li naslu. Dan hu Gvern li investa u li se jibqa’ jinvesti fikom.”