Il-proposti tal-Partit Laburista dwar l-IVF se jkunu implimentati mal-ewwel 100 jum ta’ Gvern Laburista ġdid jekk dan jingħata l-mandat fis-26 ta’ Marzu li ġej.
Ħabbar dan il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela f’sessjoni mistoqsija u tweġiba bit-tema Malta Flimkien f’Santa Luċija.
Hawnhekk Dr Abela kien affrontat b’esperjenza qarsa ta’ koppja li sfortunatament kellhom tarbija b’kundizzjoni partikolari ġenetika.
“Il-problema hija li jiena u l-partner tiegħi kull wild li jkollna se jkollu din il-kundizzjoni għax din il-kundizzjoni hija ġenetika. Issa aħna teżisti kura tal-IVF barra minn Malta però għalina ma naffordjawx nagħmluha għax tiswa ħafna flus. Issa din il-ġimgħa inti ogħġbok tgħidilna li se jsiru emendi ġodda fil-liġi tal-IVF li għalina tfisser li nistgħu nsiru ġenituri, li nista’ kemm jien u kemm il-partner tiegħi nistgħu naslu għal dik il-ġurnata li nisimgħu lit-tfal tagħna jgħidulna ‘Ma’ u ‘Pa’ li għalina tfisser ħafna.”
Quddiem ir-rakkont ta’ din l-espjerjenza Dr Robert Abela tenna li ma jistax jibqa’ sieket quddiem dawn ir-realtajiet.
Kien għalhekk li l-Prim Ministru fakkar fil-proposti tal-Partit Laburista.
Dik li jingħataw l-mediċini kollha tal-IVF b’xejn mill-ewwel ta’ Jannar li għadda ’l quddiem u li l-proċessi tal-IVF b’xejn jitwessgħu u jkunu bl-aktar teknoloġija moderna, filwaqt li jkunu aċċessibli għal min ikun irid wild ieħor.
“Id-domanda tiegħek l-aktar waħda importanti, meta se ndaħħluhom dawn l-emendi. Ħa tagħmluhom erba’ snin oħra lejn tmiem il-leġislatura l-oħra? Le. Jiena nagħtik il-kelma tiegħi li jekk ningħataw il-fiduċja mill-poplu tagħna fi żmien mitt jum minn meta niġu eletti dawk il-bidliet ikunu quddiem il-Parlament u jiġu approvati.”
Il-Prim Ministru Robert Abela