F’sena ta’ pandemija, il-Malta Enterprise approvat 38 investiment ġdid barrani b’investiment ta’ €77 miljun u l-ħolqien ta’ 900 impjieg.
Ħabbar dan il-Prim Ministru Robert Abela waqt business breakfast tal-Gvern bit-tema Lejn Prosperità Ġdida.
Dr Abela qal li fi tmiem l-2019 kien hemm bżonn fażi ġdida ta’ tkabbir u bidliet neċessarji għal Malta madankollu kawża tal-pandemija Malta affaċċjat sfidi li saħansitra ħaduna lura għal qabel l-2013.
Kien b’hekk li Malta kellha bżonn tembarka fuq strateġija li tilqa’ għall-impatti tal-pandemija u fl-istess ħin kontinwità ta’ tkabbir ekonomiku.
Strateġija li kienet suċċess.
Fil-fatt, f’sena ta’ pandemija Malta kellha 27 proġett ta’ investituri barranin li diġà joperaw minn Malta jew Għawdex. Kien hemm ukoll 119-il proġett f’Malta u f’Għawdex li jridu jespandu u 6 proġetti minn investituri lokali ġodda.
Il-Prim Ministru Robert Abela stqarr: “B’kollox 190 proġett li mistennija joħolqu aktar minn 1,900 impjieg. Investiment ta’ €140 miljun li 10% minnhom huma minn startups.”
Il-Prim Ministru Robert Abela qal kif dan ifisser li kull jumejn fis-sena tal-pandemija, il-Malta Enterprise approvat proġett ġdid.
Meta wieħed iqabbel mal-2009 hemmhekk ġew approvati 30 proġett biss f’sena.
Il-Prim Ministru qal kif madankollu dan ma huwiex biżżejjed hekk kif l-impenn ewlieni tal-Gvern huwa li tinkiseb prosperità ġdida sostenibbli għall-poplu tagħna.
Dwar il-governanza t-tajba f’pajjiżna bħala pilastru ewlieni fil-viżjoni tal-Gvern, Dr Abela qal li din hija l-aktar ħaġa essenzjali għas-suċċess ta’ ekonomija moderna.
Dr Abela sostna wkoll l-importanza ta’ ambjent edukattiv li jinċentiva l-innovazzjoni u l-investiment biex b’hekk iwassal għall-bidla f’pajjiżna.
B’hekk il-Prim Ministru sostna li dan ifisser trasformazzjoni fl-infrastruttura edukattiva ta’ pajjiżna li tagħti bażi aħjar għal ekonomija diġitali u ġdida li għandna issa f’pajjiżna.
Il-Prim MInistru Abela tenna: “L-iskejjel tagħna mibnija għaż-żmien meta konna nrawmu nies għall-ekonomija tradizzjonali se jkollhom bżonn bidliet kbar biex ikunu lesti għat-tagħlim neċċessarju għall-ekonomija diġitali tal-futur tagħna b’mod iktar ġenerali l-infrastruttura ta’ pajjiżna trid tkun ta’ bażi aħjar għall-ekonomija tagħna.”
Dwar l-aħħar pilastru tal-viżjoni tiegħu, l-ambjent, il-Prim Ministru Robert Abela qal li dan huwa l-bażi għall-ekonomija futura ta’ pajjiżna. Fakkar fil-mira li sal-2030 ikun hemm ta’ tnaqqis ta’ 55% fl-emmissjonijiet biex b’hekk sal-2050 Malta tkun ħielsa mill-karbonju.
Madankollu l-Prim Ministru Robert Abela saħaq li dan mhux biżżejjed u għalhekk saħaq dwar il-qalba għall-użu tal-vetturi elettriċi. Hawnhekk semma l-ħidma fuq livell Ewropew hekk kif hemmhekk ġie mqajjem l-użu tat-trasport urban bħal ferroviji, f’Malta.
Il-Prim Ministru qal li dan mhux possibbli u Malta se tibqa’ taspira u taħdem lejn il-qalba għall-vetturi elettriċi billi anki jintużaw fondi Ewropej biex jinċentivaw l-użu tal-vetturi elettriċi.
Dr Abela sostna: “Ir-realtà ġeografika ta’ pajjiżna hija li ma nistgħux nagħmlu railways f’pajjiżna u qegħdin niddiskutu l-proġett ta’ trasport tal-massa imma b’mod immedjat sal-2030 aħna biex innaqqsu l-emmissjonijiet tagħna jfisser li rridu nimxu dejjem iżjed lejn electrification tat-trasport tagħna bla ma nagħmlu piżijiet addizzjonali fuq in-nies.”