Fid-dawl ta’ oppożizzjoni negattiva, u li hi mifnija bil-mibgħeda personali, il-Prim Ministru Robert Abela, waqt il-programm Paperscan, qal kif l-Oppożizzjoni nħakmet mill-fazzjoni estremista tal-Partit Nazzjonalista.
“Mibgħeda personali – dak li rajt waqt il-festi tal-Milied, preċiżament madwar il-jum tal-Milied. Li tara din il-pożizzjoni li ħakmet il-fazzjoni estremista tagħha, jiġifieri llum feġġ kap ieħor tal-Partit Nazzjonalista, qed naraw lil Karol Aquilina li ħa over. Tara attakki li saru fuq Ministri tal-Gvern, fuq il-familji tagħhom, fuq in-nisa tagħhom, jiġifieri waqt il-festi tal-Milied il-PN emmen li żewġ Ministri tal-Gvern li ma jaqbilx magħhom politikament – Clint Camilleri u Silvio Schembri – flok ikkritikahom għal ħidmiethom, kif għandhom dritt, jagħmlu kritika kostruttiva, li ma jafux jagħmluha – dawn xeħtuhom f’inkjesta.”
Il-Prim Ministru Robert AbelaREKLAMSKROLLJA BIEX TKOMPLI
Dan b’referenza għall-attakki li saru fuq Ministri u l-familji tagħhom – fejn infetħu għadd ta’ inkjesti fil-konfront tagħhom – bil-Prim Ministru jsejjaħ dan bħala abbuż mill-inkjesti maġisterjali u l-proċess ġudizzjarju.
Il-Prim Ministru ddikjara wkoll, li huwa jaqbel mal-pubblikazzjoni ta’ kull rapport tal-inkjesta. Dan minkejja li l-PN qed jipprova jispinja l-inkjesta 17 Black, u jigdeb, li hemm xi membri tal-Partit Laburista nvoluti fiha.
Kien hawnhekk, li l-Prim Ministru rrefera għall-ħtieġa ta’ riforma fl-inkjesti maġisterjali, fejn qal li dawn għandhom għan li jfittxu l-verità, billi filwaqt li jinqabad il-ħażin, għandhom jinħelsu t-tajbin.
Dr Abela qal li hemm nies innoċenti li qed jiffaċċjaw proċess ġudizzjarju anke jekk m’għandhomx x’jaqsmu – u proprju għal dan il-għan, ir-riforma hi meħtieġa.
“Il-PN, jgħid li r-rapport ma jridx ikun sigriet. Jien ngħid, mhux talli r-rapport m’għandux ikun sigriet, talli għandna mmorru pass oltre minn hekk u naraw ir-reazzjoni tal-Partit Nazzjonalista x’se tkun fuq dan il-punt ukoll. Hux għal darb’oħra se tkun lejn l-ipokretiżmu, li jgħid li għandu jkun pubbliku dak biss li jaqbillu, jew dak li jaħseb, għax Simon Busuttil mhux neċessarjament se jkollu dak li jaħseb li se jasal għalih. Rajna mhux biss ipokrezija, iżda jiddispjaċini ngħid, gideb ukoll, min-naħa tal-Partit Nazzjonalista.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Huwa hawnhekk, fejn toħroġ biċ-ċar id-differenza bejn iż-żewġ partiti, hekk kif filwaqt li l-Partit Nazzjonalista jrid jixħet lil kulħadd il-ħabs, il-Gvern jiffoka ħidmietu fuq il-policies, li jtejbu ħajjet in-nies.
Fid-dawl ta’ dan, il-Prim Ministru għalaq l-intervent tiegħu, billi ħeġġeġ lil kulħadd jingħaqad miegħu, nhar il-Ħadd 12 ta’ Jannar, għal attività politika b’differenza.