Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li m’għandux ikun hemm bidla fil-persuna li tokkupa l-kariga ta’ Speaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti.
Dan ifisser li l-Ispeaker tal-Parlament ser jibqa’ Dr Anġlu Farrugia.
Dr Abela ħabbar dan waqt li kien qiegħed iwieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti wara l-ġurment tal-ħatra ta’ żewġ Segretarji Parlamentari ġodda fil-Palazz tal-President, il-Belt Valletta.
Anġlu Farrugia assuma l-irwol ta’ Speaker fl-2013 u kien ikkonfermat fil-leġiżlatura li bdiet fl-2017.
Huwa kien xprun sabiex tiżdied l-awtonomija tal-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż u ċaqlaq il-bini tal-Parlament mill-Palazz għad-daħla tal-Belt.
Din ser tkun it-tielet leġiżlatura li fiha Farrugia ser ikun qed iservi bħala Speaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti.
Huwa serva wkoll bħala Membru Parlamentari mill-1996 sal-2013.
ONE News tkellem ma’ Farrugia ftit wara din l-aħbar fejn laqa’ l-fiduċja tal-Prim Ministru.