Il-liġi li se tirregola u tissorvelja l-industrija tal-kostruzzjoni, li bħalissa qiegħda għad-diskussjoni fil-Parlament biex titwaqqaf l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, hi pass ieħor f’sensiela ta’ bidliet li dan il-Gvern qed jagħmel biex jgħolli l-istandards li bihom irid jimxi l-pajjiż ‘l quddiem fl-għaxar snin li ġejjin.
Qal dan il-Prim Ministru Robert Abela l-Erbgħa filgħaxija fil-Parlament, propju waqt li ppreżenta r-rapport b’rabta mas-settur tal-kostruzzjoni li eventwalment se jkun qed jara t-twaqqif ta’ Awtorità b’saħħitha li tirregola s-settur.
B’ton skjett il-Prim Ministru Abela qal li mhux lest jistenna iżjed għall-bidliet meħtieġa: “Se jkun hawn min jgħid – mhux aħjar inħallu r-rota tibda ddur iżjed, qabel nirregolaw aktar? Ir-risposta tiegħi hi wahda skjetta. Mhux lest nistenna aktar.”
Fil-Parlament, il-Prim Ministru Robert Abela għamel referenza għall-każ li wassal għall-mewt ta’ Miriam Pace, omm ta’ żewġt itfal.
Hawnhekk il-Prim Ministru wassal messaġġ ċar daqs il-kristall.
Huwa saħaq: “Jekk hawn min jaħseb li hu cowboy u jista’ jilgħab bil-ħajja tan-nies, aħjar jaħsibha darbtejn. Ħadd ma hu ‘l fuq mil-liġi u l-fatt li f’dan il-każ tressqu quddiem il-ġustizzja minn professjonisti sa kuntrattur u ħaddiem, jikkonferma dan kollu.”
Il-Prim Ministru tenna li ħaġa li ħarġet ċara mir-rapport għat-twaqqif tal-Awtorità kien li pajjiżna kellu bżonn Awtorità attrezzata tajjeb u bir-riżorsi u l-kompetenzi meħtieġa biex is-suġġett jingħata l-attenzjoni xierqa.
Dwar l-Awtorità, il-Prim Ministru qal li din se tassorbi l-funzjonijiet li bħalissa huma assenjati lill-Bord li jirregola l-Bini u lill-Uffiċċju dwar ir-Regolament tal-Bini, l-Aġenzija tal-Bini u tal-Kostruzzjoni u l-Bord għall-Bennejja, filwaqt li se toħroġ linji gwida u metodoloġiji ta’ prattika tajba u regolamenti maħsuba biex jitjiebu l-prattiċi tal-bini u l-kostruzzjoni f’Malta, u tara li dawn jiġu osservati.
Fost bidliet importanti ħafna hemm dik l-Awtorità ħa żżomm ukoll reġistru tal-kumpaniji li joffru servizz tal-kostruzzjoni. Dan hu reġistru li se jgħin biex jiġi regolat is-settur.
Fid-diskors il-Prim Ministru qal li l-ħidma tal-Gvern f’dan il-qasam ma bdietx issa u l-infurzar qed isir.
Dr Abela sostna: “Ma qgħadniex nistennew it-twaqqif tal-Awtorità biex insaħħu l-Unit responsabbli mill-osservanza tar-regolamenti fi ħdan l-Aġenzija għall-bini u kostruzzjoni. Fl-aħħar xhur irduppjajna n-numru t’uffiċjali tal-Aġenzija għal dan il-għan.”
Apparti dan semma kif se tibda skema li permezz tagħha persuna li se jkun qed isir bini ħdejha se jkollha d-dritt tqabbad lill-perit tagħha, u jħallas min se jkun qed jagħmel l-iżvilupp.
Intant, il-Prim Ministru qal li diġà ta direzzjoni lill-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia u s-Segretarju Parlamentari għall-Artijiet Chris Agius biex jistieden lill-Oppożizzjoni tinnomina hi wieħed mill-membri li se jpoġġu fuq il-bord ta’ din l-Awtorità ġdida biex din ukoll tkun parti minn dan il-proċess.