Waqt intervista, l-Ħadd filgħodu, il-Prim Ministru Robert Abela rreaġixxa għall-każ li ħasad il-pajjiż aktar kmieni din il-ġimgħa li ra l-omiċidju ta’ Nicolette Ghirxi fl-għomor ta’ tmienja u erbgħin sena.
Filwaqt li sellem il-memorja ta’ Ghirxi, Dr Abela tkellem kif il-Gvern diġà għamel tibdiliet leġiżlattivi f’dan il-kuntest bil-għan li l-liġi twieżen ir-realtajiet tal-lum.
Hawn semma k-tibdiliet xprunati mill-inkjesta Valenzia, primarjament l-introduzzjoni tal-kunċett tal-femiċidju.
“Kienet hemmhekk bidla leġiżlattiva importanti li kienet teħtieġ l-element ta’ ħsieb u element ta’ kuraġġ biex tiġi ntrodotta u għamilnieha għaliex nemmnu li din hija realtà li rridu nibqgħu niġġildulha bis-saħħa, mhux biss meta qegħdin nitkellmu fuq femiċidju imma kontra kwalunkwe vjolenza, partikolarment meta qed nitkellmu fuq vjolenza abbażi tal-ġeneru, kemm meta jkollna konsegwenzi ta’ femiċidju u anke meta jkollha konsegwenzi oħrajn.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Apparti minn hekk, Dr Abela elenka numru ta’ bidliet oħra f’dan is-settur bħat-twaqqif tal-Victim Support Unit u t-tisħiħ fir-riżors uman fil-Qorti fejn hemm żewġ ġudikanti ffokati fuq kawżi ta’ vjolenza domestika, biex tripplaw is-seduti ta’ dawn il-każijiet.
Hawn semma wkoll it-twaqqif ta’ skwadra speċjalizzata fi ħdan il-Korp tal-Pulizija li tieħu ħsieb dawn il-każijiet, u qal li kif fix-xhur li ġejjin se tissokta ħidma dwar il-panic alarms u l-electronic tagging.
Il-Prim Ministru kien mistoqsi dwar il-każ taż-żgħażugħ Daniel Joseph Meli, u tenna li l-Gvern qiegħed f’kuntatt kontinwu mal-familja tiegħu.
Dr Abela sostna kif il-Gvern irid jibqa’ jirrispetta l-kumplessitajiet legali tal-każ, fid-dawl li Meli kien aċċetta biex jiġi estradit b’mod volontarju.
Filwaqt li appella biex l-Oppożizzjoni ma tagmilx ballun politiku minn dan il-każ, Dr Abela sostna kif il-Gvern qiegħed jara kif se jgħin liż-żgħażugħ u lill-familja tiegħu.
“Nevalwaw kull mezz fil-parametri legal biex sa fejn hu possibbli il-ġustizzja f’dan il-każ tinstema’ ġewwa pajjiżna. Il-proċess ġudizzjarju isir ġewwa pajjiżna iġifieri anki wkoll ħarisna lejn x’jiġri meta inti għandek aċċettazzjoni volontarja t’individwu kif kellek f’dan il-każ biex jiġi estradit jekk għandux jiġi introdott mezz legali ulterjuri fejn dak li jkun jista’ jirtira dik l-aċċettazzjoni volontarja.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Filwaqt li qegħdin jiġu esplorati għażliet oħra, il-Prim Ministru tenna kif il-każ se jibqa’ jarah bħala ġenitur u bil-mod li permezz tal-Gvern jittieħdu d-deċiżjonijiet li jkunu fl-aħjar interess bħala soċjetà.