F’diskors waqt il-mass rally fiż-Żurrieq, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela nnota d-differenza netta bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista.
Waqt li l-Partit Laburista nieda l-manifest elettorali tal-Partit Laburista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew imsejjes fuq għaxar prinċipji favur Malta l-ewwel, il-Partit Nazzjonalista ta’ Bernard Grech baqa’ bla proposti u ma ppreżenta xejn.
“Manifest m’għandhomx, però pjan għandhom. Pjan kattiv biex ikissru l-ġid li qegħdin noħolqu flimkien. Minn kollox se jagħmel fil-ġimgħat li ġejjin biex jarana mifrudin, ixewwex, jipprovoka, jinstiga, idaħħal il-qtigħ il-qalb.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Hawnhekk il-Prim Ministru semma kif din il-ġimgħa l-Oppożizzjoni u l-establishment fi ħdanha għamlu żewġ protesti fejn attakkaw lill-Kummissarju tal-Pulizija u lill-Avukat Ġenerali.
Innota aġir ta’ Oppożizzjoni li taħdem kontra Malta bħal ma għamlet sa ftit tal-jiem ilu li tikteb lill-Bank Ċentrali Ewropew kontra l-Maltin.
Intant b’differenza, Dr Abela sostna kif fl-aħħar jiem l-ekonomija Maltija ngħatat ċertifikat pożittiv, b’Malta l-aktar li se tikber ekonomikament fl-Ewropa filwaqt li ġie wkoll rivedut ’il fuq it-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna.
Fiż-Żurrieq, il-Prim Ministru sostna li l-ġimgħa li għaddiet kienet ġimgħa ta’ ħidma ferm importanti b’riżq pajjiżna.
Hawnhekk semma t-tħabbira ta’ €6 miljun investiment fin-nies li jieħdu servizz aktar malajr tal-IVF fil-privat, għal ftehim kollettiv li jolqot sebat elef ħaddiem f’livelli tekniċi fis-settur pubbliku għal prinċipju importanti li ġie milqugħ tajjeb waqt żjarat li kellu l-Prim Ministru, dak ta’ equal pay for equal work.
“Dawk huma r-riformi li jtuni l-enerġija biex nibqa’ naħdem bis-saħħa ta’ kuljum.”
Il-Prim Ministru Robert Abela