Lufthansa Technik Malta, kumpanija tal-avjazzjoni li hija kruċjali biex dan is-settur jikkontribwixxi madwar €600 miljun fis-sena fl-ekonomija Maltija u jimpjega mal-5,000 ħaddiem, fakkret l-għoxrin sena ta’ operat f’Malta.
F’avveniment li sar għal din l-okkażżjoni f’Ħal Farruġ, il-Prim Ministru Robert Abela nnota s-saħħa tas-settur tal-avjazzjoni f’pajjiżna, partikolarment fil-qasam tal-manutenzjoni u tat-tiswija tal-ajruplani, magħruf bħala MRO.
Fil-hangars tal-Lufthansa, il-Prim Ministru Abela rrimarka l-ħidma importanti li qed issir biex aktar studenti jitħarrġu u jagħżlu jaħdmu ma’ din il-linja tal-avjazzjoni, anki permezz tal-kampanja ‘Choose Aviation’ immexxija bejn il-Malta Enterprise u l-MCAST. Saħaq li dan is-settur mhux sempliċiment joħloq impjiegi iżda karrieri ta’ kwalità. Innota wkoll kif f’Lufthansa Technik Malta, 85% tal-ħaddiema, jiġifieri qrib l-400 persuna, huma Maltin.
Il-Prim Ministru laqa’ l-fatt li fiż-żmien li ġej, il-kumpanija se tkun qed taħdem fuq il-manutenzjoni t’ajruplani tat-tip B787 li huma mgħammar b’teknoloġija importanti li żżid l-effiċjenza fl-użu tal-fjuwil u li jnaqqsu sew l-emissjonijiet fl-arja, fost oħrajn.
Dr Abela qal li jħares ’il quddiem li f’ħidma kollettiva jkomplu jinħolqu opportunitajiet ta’ kwalità, filwaqt li afferma l-appoġġ tal-Gvern biex jinċentiva l-investiment.
Minn naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ Lufthansa Technik Malta, John Mahon tenna li dawn l-aħħar għoxrin sena kienu mimlija tlajja u nżul però kull sfida irnexxielhom jegħlbuha.
“20 years is not just a passing of time. 20 years really signifies the commitment and the strong bond that Lufthansa Technik has with the island of Malta and with the staff that has been working with us for the last 20 years. So, 20 years have been full of growth. It’s been full of challenges, but we’ve overcome those challenges. We are now in a position of strength, and we are looking forward for the next 20 years.”
John Mahon, il-Kap Eżekuttiv ta’ Lufthansa Technik Malta
F’indirizz li għamel, iċ-Chairman ta’ Lufthansa Technik Malta Dr Alexander Feuersänger irringrazzja lill-Gvern Malti tal-appoġġ kontinwu biex Lufthansa Technik Malta baqgħet tiġbed lejha l-aqwa linji tal-ajru fid-dinja biex tkun ta’ servizz għalihom.