Waqt laqgħa bejn il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Prim Ministru tal-Lussimburgu Xavier Bettel ġiet diskussa l-ħidma konġunta bejn iż-żewġ pajjiżi li, minkejja differenzi ġeografiċi, għandhom ideat u interessi simili f’diversi setturi.
Ewlenin fosthom il-migrazzjoni fejn Dr Muscat esprima l-apprezzament tiegħu għall-attitudni realistika li jħaddan il-Lussimburgu, wieħed mill-pajjiżi li dejjem għen fil-ftehimiet ad hoc li kkordinat Malta biex ikunu indirizzati sitwazzjonijiet delikati fil-Mediterran.
Qasam ieħor li jgħaqqad liż-żewġ pajjiżi hija l-industrija tas-servizzi finanzjarji. Dr Muscat qal li l-pressjoni kontra l-unanimita fil-qasam tat-tassazjoni se tiżdied u Malta u l-Lussimburgu ma jistgħux jidhru bħala l-front tal-le, iżda bħala żewġ pajjiżi li għandhom is-soluzzjonijiet.
Il-Prim Ministru tal-Lussimburgu Xavier Bettel ikkonferma li bejn iż-żewġ pajjiżi jeżistu relazzjonijiet b’saħħithom. Saħaq li minkejja li huma kompetituri, fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, Malta u l-Lussimburgu huma attivi ħafna u se jibqgħu jimbuttaw pożizzjoni komuni kontra l-armoniżazzjoni fid-diskussjonijiet Ewropej.
Dwar il-migrazzjoni Bettel qal li, waqt li l-Lussimburgu se tibqa tgħin meta jkun hemm bżonn, l-Unjoni Ewropea trid issib soluzzjoni permanenti.
Bettel awgura lil Malta għar-riżultati ekonomiċi u soċjali mill-aqwa li qed tikseb b’mod regolari. Qal li b’mod simili għat-tmexxija tiegħu fil-Lussimburgu, wara 6 snin fit-tmexxija, Dr Muscat irnexxilu jbiddel lil Malta minn pajjiż tradizzjonali għal wieħed modern.
Għaż-żjara fil-Lussimburgu, l-ewwel waħda ta’ Prim Ministru Malti fi 15-il sena, il-Prim Ministru qed ikun akkumpanjat mill-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Helena Dalli.