Fl-attività politika tal-Ħadd filgħodu fil-Kalkara, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela elenka bosta riformi storiċi li Gvern Laburista qed jaħdem biex iwettaq, fosthom biex ikun regolat l-użu responsabbli tal-Kannabis f’pajjiżna.
Hawnhekk huwa semma t-tbatija li diversi żgħażagħ jgħaddu minnha – realtà li qal mhux lest jaċċetta aktar. Realtà li l-Oppożizzjoni parlat fuqha iżda kien dan il-Gvern li ddeċieda.
Sostna li, “Ir-realtà, x’qed nisma’ jien mingħand iż-żgħażagħ, hija li minkejja li llum ma tmurx iżjed quddiem il-Qorti iżda quddiem it-Tribunal, qed jiġu arrestati fuq joint. Tarresta żagħżugħ fuq joint. Din mhux realtà li lest naċċetta aktar.”
Huwa fakkar minn xiex kienu jgħaddu ż-żgħażagħ quddiem il-Qrati Maltin.
Qal kif, “Imbagħad jinbidel il-Maġistrat u kellek maġistrat li kienet tgħidilhom li żgħażagħ u twerwrina kienet lili bħala avukat kont ngħid jiena għandi l-ħajja ta’ żagħżugħ jew żagħżugħa li nista’ nirrovenah. Kienet tgħidilhom ammettu fuq joint u jista’ jkun nitfagħkom sitt xhur effettivi ġewwa l-ħabs.”
Fi żmien ta’ pandemija, dan il-Gvern qed jaħdem ukoll dwar ir-riforma fuq il-liġi tad-divorzju.
Spjega kif, “Hekk se nagħmlu wkoll fil-liġi tad-divorzju – ħaddieħor ħadem kemm felaħ bħala front liner biex id-divorzju ma jidħol f’pajjiżna u koppja ma tingħatax opportunita li tiżżewweġ u tibni familja jien se nkompli nsaħħaħ dan id-dritt.”
Il-Prim Ministru qal li jinsab ħerqan għall-ġimgħat li ġejjin biex jitwettqu dawn ir-riformi u jibqgħu jitlaqqmu n-nies kontra l-Coronavirus, fi pjan li miexi tajjeb u li poġġa isem Malta fil-quċċata.
Dr. Abela temm jgħid kif il-Partit Laburista ma jistrieħx fuq dak li kiseb imma jaħdem biex imexxi dan il-pajjiż ’il quddiem.
Qal, “Dan ħbieb tiegħu huwa moviment li ma jistrieħx fuq dak li kiseb. Dak li ksibna jagħtina n-nifs u l-enerġija biex inkomplu naħdmu u naħdmu iżjed. Naħdmu iżjed għaż-żgħażagħ tagħna, naħdmu iżjed għall-pensjonanti, għall-ħaddiema tagħna għal kull settur tas-soċjetà tagħna, niġbdu ħabel wieħed man-negozji tagħna. Ejjew ħbieb tiegħi ħalli naħdmu u mmexxu lil dan il-pajjiż ’il quddiem flimkien. Għawdxin u Maltin b’saħħitna ’il quddiem.