Illejla l-Prim Minsitru u Mexxej Laburista Robert Abela attenda għaċ-ċerimonja komemorattiva ta’ Jum il-Vitorja li saret f’Misraħ l-Assedju fil-Belt.
Id-diskors tal-okkazjoni sar minn Nutar Myriam Spiteri Debono li kienet l-ewwel u l-unika mara li serviet bħala Speaker fil-Kamra tar-Rappreżentanti.
Fid-diskors tagħha n-Nutar Spiteri Debono spjegat li din is-sena tfakkar il-mitt sena mill-ewwel pass tal-awtotmexxija tal-Maltin grazzi għall-Kostituzzjoni tal-1921.
Filwaqt li rrimarkat il-mixja ta’ Malta fl-aħħar mitt sena hija elenkat ukoll bidliet riċenti f’pajjiżna. Semmiet fost oħrajn il-mekkaniżmu li ġie introdott għal aktar rappreżentanza ugwali fil-Parlament. Irrimarkat ukoll l-importanza tal-edukazzjoni ta’ wliedna kemm mid-dar u anke l-iskola. Dan speċjalment sabiex il-ġenerazzjonijiet futuri tagħna jkunu jafu jgħixu f’dinja globalizzata.
Spiteri Debono tenniet ukoll l-importanza tas-Saltna tad-Dritt u l-għaqda sabiex pajjiżna jibqa’ jagħmel it-tibdil neċessarju.
Fi tmiem iċ-ċerimonja l-Prim Ministru qiegħed il-fjuri biswit il-monument. Preżenti kien hemm ukoll id-Deputat Speaker Claudette Buttigieg, il-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.