Hekk kif it-Tnejn filgħaxija ntemmet laqgħa tal-Eżekuttiv tal-Partit Laburista. il-Prim Ministru Robert Abela f’kummenti mal-ġurnalisti sostna li l-istandards ta’ etika għad-deputati li għandhom il-privileġġ iservu lill-poplu telgħu skaluna ‘l fuq.
Dr Abela qal dan b’rabta mal-aħbar li d-Deputat Rosianne Cutajar ma baqgħetx tifforma parti mill-Grupp Parlamentari tal-Partit Laburista hekk kif kitbet lill-Prim Ministru biex tinfurmah b’dan it-Tnejn filgħaxija.
Quddiem mistoqijiet mill-ġurnalisti, il-Prim Ministru sostna li l-poplu qed juri li f’mument fejn id-dinja għaddejja minn pressjonijiet, għandhom fiduċja fi Gvern li ħa deċiżjonijiet strateġiċi biex jipproteġi lil niesu, fosthom fil-pandemija, u f’effetti li ġew ikkawżati mill-gwerra fl-Ukrajna, fosthom l-inflazzjoni fil-prezzijiet tal-enerġija.
Madankollu l-Prim Ministru rrimarka li l-poplu filwaqt li japrezza din il-ħidma, jippretendi serjetà u integrità fit-tmexxija.
Dr Abela tenna li dan huwa obbligu ta’ dan il-Gvern u ser jassigura li jagħmel l-għalmu kollu tiegħu li l-pajjiż jibqa’ miexi ‘quddiem fi sfond ta’ serjetà li l-poplu qed jippretendi minnu.