Deċiżjoni BREXIT
“Ma nafux eżattament kif BREXIT se jaffettwa lil pajjiżna, għax għadna ma nafux x’tip ta’ ftehim se jkun hemm bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea. Jistgħu isiru s-simulazzjonijiet iżda hemm wisq eventwaltajiet li jistgħu ibiddlu s-sitwazzjoni kollha. Bejn Awwissu u Novembru l-istampa tkun ferm iktar ċara.”
Dan qalu l-Prim Ministru Joseph Muscat fl-indirizz tiegħu fil-laqgħa ġenerali annwali tal-kamra tal-kummerċ hekk kif dan hu suġġett li jolqot direttament lill-kummerċjanti Maltin.
Fi żmien 48 siegħa minn Brexit, is-27 Stat Membru se joħorġu dikjarazzjoni konġunta li tirrifletti dak kollu diskuss fix-xhur li għaddew. Dikjarazzjoni li tiddependi fuq it-talbiet fl-ittra li Theresa May se tippreżenta lill-Unjoni Ewropea.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat spjega li l-pożizzjoni ta’ pajjiżna dwar Brexit hija ċara – “Jeħtieġ li jinstab bilanċ bejn l-aċċess għas-suq Ingliż, peress li għandna rabta kummerċjali b’saħħitha u storika, u fl-istess ħin ma nxekklux il-kompetittivita ta’ pajjiżna billi nippermettu li r-Renju Unit juża n-nuqqas ta’ regoli Ewropej biex ikun iktar kompetittiv.”
Minkejja l-Presidenza, il-Gvern iffukat fuq it-tmexxija
Il-Prim Ministru saħaq li minkejja li bħalissa pajjiżna iffukat fuq il-Presidenza, l-Gvern baqa’ għaddej bit-tmexxija tal-pajjiż. Filfatt, din il-ġimgħa l-uffiċju nazzjonali għall-istatistika (NSO) se jkun qed jippubblika aktar riżultati pożittivi dwar is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ pajjiżna matul l-2016.
Fl-indirizz tiegħu lin-negozjanti preżenti, l-Prim Ministru stqarr li l-miri tal-Gvern kienu li d-defiċit jinżel taħt 0.7%, li hija qabża sinifikanti meta mqabbla mas-sitwazzjoni li ntiret erba’ snin ilu meta d-defiċit kien aktar minn 5%. “Kull sena irnexxilna nissuperaw il-mira mposta mill-Gvern innifsu u kunfidenti li din is-sena se jkun qed isir l-istess,” spjega il-Prim Ministru.
Dan minkejja li l-gvern qiegħed b’mod konsistenti jżid il-benefiċċji soċjali sena wara oħra, li hija l-kontra ta’ dak li normalment isir f’pajjiżi oħra biex jitnaqqas id-dejn.
“Dejjem emminna li s-soluzzjoni hi li tistimola l-ekonomija u r-riżultati jiġu wara.” – JM
Fi kliem il-Prim Ministru, pajjiżna qed jikseb reputazzjoni li hu kapaċi jmexxi u jorganizza l-finanzi tiegħu u qed jibni reputazzjoni tajba li jaf isolvi n-nuqqasijiet u jimxi ‘l quddiem.
Madanakollu, stqarr Muscat, għad għandna sitwazzjoni ta’ dejn f’ pajjiżna; mhux dak finanzjarju imma ta’ infrastruttura, ta’ ħiliet professjonali. Hawn ukoll il-gvern mexa ‘l quddiem.
Hawnhekk il-Prim Ministru uża l-ezempju tal-proġett tal-Kappara li miexi b’rittmu mgħaġġel, organizzat u fiż-żmien stipulat. Muscat temm jgħid li dawn kienu erba’ snin tajbin għall-kummerċ u nħarsu ‘l quddiem għal iktar ġid.