“Minkejja li l-vaċċin tal-Covid-19 mhux se jkun obbligatorju, l-appell tiegħi hu biex il-poplu jitlaqqam.”
Qal dan il-Prim Ministru Robert Abela meta kien qed jirrispondi għall-mistoqsijiet tan-nies fuq Facebook live.
Spjega kif dan il-Gvern ħadem b’mod sfieq biex pajjiżna jkun mal-ewwel pajjiżi li jirċievi l-ewwel kunsinja ta’ dan il-vaċċin fil-bidu ta’ Jannar.
Il-Prim Ministru stqarr:“Jibda programm intensiv ta’ tilqim nibdew bil-frontliners imbagħad se jkollna pjan ikkordinat kif se nlaqqmu. Ħdimna bilgħaqal biex ikollna dożi biżżejjed għall-popolazzjoni kollha.”
Mistoqsi dwar id-deċiżjoni li ttieħdet biex każini u barijiet jibqgħu magħluqa, il-Prim Ministru qal kif hu jifhem it-tħassib tas-sidien ta’ dawn il-ħwienet iżda fiehem kif din id-deċiżjoni ttieħdet fl-aħjar interess tal-poplu.
Qal kif hekk kif ninsabu pass ‘il bogħod li tasal il-vaċċin, ma kinitx tkun deċiżjoni għaqlija.
Dr Abela sostna: “li se nwiegħed hu li l-appoġġ tal-Gvern għall-barijiet u każini se jibqa’ hemmekk għall-wage supplement fil-massimu tiegħu u se jibqa’ hemmhekk meta se nniedu l-vouchers illi bars u każini se jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-iskema tal-vouchers.”
Dwar it-turiżmu u l-impjiegi, il-Prim Ministru spjega kif il-vaċċin se jservi ta’ importanza kbira s-sena d-dieħla biex tinbidel is-sitwazzjoni. Qal kif iħares b’ottimiżmu għas-sena d-dieħla hekk kif jemmen li kif bosta pajjiżi jitlaqqmu, l-ewwel ħsieb f’moħħ kull poplu hu li jmur vaganza flimkien ma’ familtu.
Dwar l-attendenza fl-iskejjel jekk għandiex tkun obbligatorja, Dr Abela qal kif il-Gvern fehem it-tħassib ta’ bosta ġenituri u għalekk daħħal il-flessibiltà iżda li jemmen fis-sħiħ dwar attendenza fil-klassi.
Dwar it-tneħħija ta’ ċertu restrizzjonijiet, il-Prim Ministru spjega kif dan il-Gvern mexa bil-prinċipju ewlieni li l-ewwel iħares is-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi iżda li jinstab bilanċ bejn l-għixien u l-impjiegi.
Il-Prim Ministru semma l-ħidma tal-Gvern fil-ħarsien tal-ambjent u tenna l-importanza ta’ kull wieħed u waħda minna biex inżommu l-ambjent nadif.
Semma kif dan il-Gvern ħadem biex jagħlaq diversi ftehim settorjali fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, il-Forzi Armati ta’ Malta u d-Dipartiment Ċivili bil-pass li jmiss hu li jsiru diskussjonijiet għan-nom tal-membri fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Dwar Għawdex il-Prim Ministru semma kif dan il-Gvrn se jkun qed iħares lejn investiment importanti fl-ekonomija diġitali li se tagħti spinta lil Għawdex fosthom b’fibre optic, aċċessibilta aħjar fost oħrajn.
Mistoqsi dwar x’se jkun qed jagħmel il-Gvern biex isaħħaħ l-identità tal-Maltin, b’referenza għall-mewt tal-mibki Oliver Friggieri, il-Prim Ministru ħabbar kif l-istat se jkun qed jagħmel mafkar.
Il-Prim Ministru Abela qal: “Wara l-funeral irriflettejt ftit miegħi nnifsi u għedt jiena ma rridx li Oliver Friggieri jmut. U biex il-memorja ta’ Oliver Friggieri ma tmut qatt nemmen illi għandu jkollna mafkar għalih. Ftit tal-ħin wara l-funeral tajt direzzjoni lil Heritage Malta sabiex toħroġ RFP sabiex jiġi identifikat sit u jkollna wkoll l-RFP fejn jitressqu proposti għal mafkar. L-istat ser ikun qiegħed jagħmel mafkar lil Oliver Friggieri.”
Mistoqsi dwar persuni b’mard terminali li jixtiequ jieħdu self għal proprjetà, il-Prim Ministru qal kif il-Gvern se jkun qed jidħol għalik biex is-self isir bil-Gvern se jkun qed iħares ukoll lejn persuni b’mard serju mhux biss terminali.
Dr Abela semma dwar il-problema tal-vjolenza domestika, fosthom dwar il-ħolqien tal-Victim Support Unit. Appella lill-ġudikatura biex tinżel u tħoss il-polz tan-nies, hekk kif dawn il-vittmi għandhom jingħataw il-protezzjoni.
Dwar is-sehem taż-żgħażagħ, il-Prim Ministru tenna l-importanza tas-sehem taż-żgħażagħ hekk kif huma innovattivi u għalekk ħeġġeġ liż-żgħażagħ biex mhux biss jivvutaw lill-Partit Laburista, iżda biex ikunu kandidati hekk kif dan il-Gvern qed iħares biex ikollu t-tieni kabinett l-aktar wieħed żagħżugħ ta’ pajjiżna.