Il-Prim Ministru ħatar lil Clifton Grima bħala Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport.
Dan tħabbar fi stqarrija mill-Gvern ta’ Malta, it-Tnejn filgħodu.
Grima se jinħatar Ministru minflok Justyne Caruana, li rriżenjat minn Ministru għall-Edukazzjoni l-ġimgħa l-oħra.
Clifton Grima kien diġà serva bħala Segretarju Parlamentari fil-Ministeru għall-Edukazzjoni għal kważi tliet snin.
Huwa kien responsabbli miż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Organizzazzjonijiet Volontarji.
Bħalissa Grima kien qed iservi bħala Segretarju Parlamentari għall-Isport, ir-Rikreazzjoni u l-Organizzazzjonijiet Volontarj
Fuq il-paġna tiegħu fuq facebook, Clifton Grima qal kif huwa kommess li mal-bqija tal-Kabinett immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela, kif ukoll b’ħidma mal-partijiet kollha f’dan il-qasam ser ikompli jaħdem sabiex jinkisbu l-aqwa riżultati fis-settur edukattiv.
Fl-istqarrija ntqal kif il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja mmexxi minn Julia Farrugia Portelli se jibqa’ jkollu r-responsabbilità taż-żgħażagħ u l-għaqdiet volontarji.
Dan tal-aħħar se jkun qed iġib l-isem ta’ Ministeru għall-Inklużjoni, il-Kwalità tal-Ħajja u l-Organizzazzjonijiet Volontarji.
Clifton Grima huwa Avukat u ġie elett għall-ewwel darba fil-Parlament f’Ottubru tal-2016 permezz ta’ elezzjoni każwali wara li kien irriżenja Leo Brincat minħabba li sar membru fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri.
Wara li ġie elett fl-elezzjoni ġenerali ta’ Ġunju 2017, Grima ġie fdat b’portafoll fil-Kabinett tal-Gvern.
Clifton Grima ħadem ħafna fil-qasam sportiv, partikolarment bid-diskussjonijiet u l-azzjonijiet flimkien mal-għaqdiet sportivi.