Fi tmiem laqgħa tal-Kabinett fil-Kamra tal-Kummerċ, il-Belt, il-Prim Ministru Robert Abela aċċenna li l-prijorità tibqa’ s-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi.
Fi tweġibiet li ta lill-ġurnalisti, il-Prim Ministru fakkar kif ittieħdet id-deċiżjoni li jiġu kkanċellati l-attivitajiet tal-massa anki jekk kien hemm miljuni ta’ ewro involuti.
Il-Prim Ministru stqarr, “Meta ġejna f’deċiżjoni li nagħżlu bejn li ninjettaw ħamsa u għoxirn miljun fl-ekonomija ta’ pajjiżna, li kienu ġejjin minn mass events jew li nħarsu s-saħħa, xtaqna li ġibna l-ħamsa u għoxrin miljun biex fost oħrajn ninvestuhom fil-faċilitajiet tas-saħħa pero ħadna d-deċiżjoni li nikkanċellaw l-events tal-massa. Il-prijorità tibqa’ s-saħħa tal-poplu Malti.”
Il-Prim Ministru qal kif pajjiżna għandu rata qawwija ta’ testijiet għall-Covid-19, tliet darbiet iktar mill-medja Ewropea.
Dr Abela sostna, “Stajna ħadna pożizzjoni, żgur m’aħniex se nagħmluha illi ngħidu ħa nnaqqsu r-rata ta’ testijiet jew inħalluha kif inhi, ħalli ma jkollniex ħafna pożittivi. Aħna bil-kontra, aħna żidna r-rata ta’ testijiet, spjegaha d-Deputat Prim Ministru, se nkomplu nżidu r-rata ta’ testijiet, in-numru ta’ testijiet li jsiru kuljum u nikkunsidraw miżuri oħrajn ukoll bħala testing biex dejjem inkomplu ntejbu f’dan il-qasam, ħa jkollna dejjem stampa reali. L-importanti li xorta nibqa’ naċċenna li huwa li l-każijiet li għandna f’pajjiżna, għal raġuni jew oħra huma ta’ sintomi ħfief ħafna. Dik hija realtà.”
Mistoqsi dwar il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema li qed jaħdmu fiċ-ċentri fejn isiru t-testijiet għall-Coronavirus, il-Prim Ministru qal li t-tħassib tal-ħaddiema ġie indirizzat u dawn il-ħaddiema u oħrajn fuq quddiem tal-ġlieda kontra l-imxija jixirqilhom l-aqwa rikonoxximent u se jkollhom ir-riżorsi disponnibbli kif dejjem kellhom.
Dwar l-iskejjel, il-Prim Ministru fisser bħala punt kruċjali l-importanza li ma ntellfux it-tagħlim u l-iżvilupp edukattiv tat-tfal.
“Is-Supretendenza tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci se tkun qed tagħmel il-protocols li huma meħtieġa sabiex wieħed jista’ jkollu tagħlim illi huwa safe, f’ambjent illi huwa wieħed safe, pero l-importanza kruċjali li ma ntellfux l-iżvilupp edukattiv tat-tfal tagħna għaliex inkella jkollna sitwazzjoni fejn ma jkollniex il-pandemija imma jkollna s-sitwazzjoni imma jkollna katastrofi fl-iżvilupp edukattiv.” Saħaq il-Prim Ministru.
Meta mistoqsi dwar jekk hemmx ħsieb li jestendi l-għajnuna tal-Gvern fil-ħlas tal-pagi tal-ħaddiema tan-negozji privati, il-Prim Ministru qal li wieħed irid jevalwa s-sitwazzjoni li tinbidel minn jum għall-ieħor iżda ddikjara li diġà bdiet iddur ir-rota ekonomika ta’ pajjiżna u min ikun jibqa’ jeħtieġ l-għajnuna, żgur mhux se jitħalla waħdu minn dan il-Gvern.