Il-Prim Ministru Robert Abela żar proġett li sar mill-bank HSBC favur il-qalba ambjentali u dik ħadra.
Il-binja tal-HSBC f’Ħal Qormi ġiet ikkonvertita f’waħda li kompletament ma tarmix aktar emissjonijiet minn kemm tiġġenera u fl-istess waqt qed tkun effiċjenti fl-użu tal-enerġija.
Dan seta’ jsir wara kollaborazzjoni bejn il-Fondazzjoni tal-bank u l-Kamra tal-Kummerċ Maltija, fejn sar studju minn numru ta’ Inġiniera ta’ kif din il-binja setgħet tiġi konvertita b’dan il-mod.
Meta kien qed iżur il-binja, il-Prim Ministru seta’ jara kif il-materjal użat f’ambjent sabiħ għall-ħaddiema fil-binja huwa kollu riċiklat. Il-proġett huwa ispirat minn mudelli bħal dak LEED, qafas ħolistiku li jindirizza kriterji u miri marbuta mal-indirizzar tal-bidla fil-klima.
F’diskors li għamel, il-Prim Ministru semma l-irwol li għandu s-settur finanzjarju biex fi sforz kollettiv jimbotta investimenti ħodor u nodfa. Qal li l-Gvern hu miftuħ għal diskussjoni u jibqa’ jinċentiva favur il-qalba ambjentali.
Dr Abela qanqal diskussjoni dwar jekk wasalx iż-żmien li l-banek jinċentivaw aktar investiment f’binjiet li se jkollhom użu aktar t’effiċjenza fl-enerġija. Dan permezz tas-servizzi li joffru lill-investituri. Qal li l-Bank Malti għall-Iżvilupp huwa għodda importanti biex jiffaċilita dan.
Preżenti kien hemm ukoll il-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, Stefan Zrinzo Azzopardi.