Il-Prim Ministru Robert Abela żar il-Grands Suites Hotel fil-qalba tal-Gżira, li għadha kif għamlet investiment massiċċ ta’ €45 miljun.
F’din iż-żjara, il-Prim Ministru kellu l-opportunità li jiltaqa’ mat-tmexxija tal-kumpanija u ma’ diversi ħaddiema li għażlu karriera fil-qasam tal-ospitalita.
Il-Prim Ministru nnota l-fiduċja qawwija li għandu l-imprenditur Malti f’pajjiżna, u li wriha permezz tar-reżiljenza li kompla juri f’ċirkostanzi internazzjonali li ġabu magħhom sfidi bla preċedent.
Dan il-kuntest ta’ fiduċja f’pajjiżna kompla jiġi kkonfermat permezz ta’ ċifri maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, li wrew is-sens qawwi ta’ ottimiżmu għaż-żmien li ġej.
Iċ-ċifri msemmija juru li, bejn Jannar u Novembru tal-2022, żaru pajjiżna aktar minn 2.2 miljun turist. Din il-figura hija qrib iċ-ċifri tal-2019 – is-sena ta’ qabel il-pandemija, u li hija meqjusa bħala sena rekord għat-turiżmu.
Id-Direttur Maniġerjali tal-lukanda, Marvin Spiteri, wera l-apprezzament tiegħu għall-appoġġ li rċieva kontinwament mill-awtoritajiet kollha kkonċernati biex dan il-proġett seta’ jitlesta u jkun ta’ suċċess.
“Nemmnu li għamilna prodott ta’ kwalità biex inkunu nistgħu nattiraw it-turiżmu għas-sajf li ġej, kif jindikaw b’mod pożittiv ħafna l-bookings li diġà deħlin minn issa għas-sajf li ġej u anki għal qabel is-sajf. U nemmnu li, fi żmien qasir, m’għandniex għalfejn indumu biex is-saħħa ta’ turiżmu li kien hawn qabel il-Covid terġa’ tinforza u nerġgħu niġu l-istess bħall-2019.”
Il-ħsieb wara din il-lukanda, li hi mgħammra b’231 kamra, kien li toffri ospitalità differenti bil-għan li t-turisti li jagħżlu din l-akkomodazzjoni jagħmlu użu mis-servizzi ta’ kwalità li toffri Grands Suites Hotel.
Kull kamra għandha l-faċilità ta’ kċina u f’kull sular hemm is-servizz ta’ ħasil bħallikieku r-resident qiegħed jgħix f’daru xorta waħda.
Preżenti għaż-żjara kien hemm ukoll il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo.