Fil-Jum Dinji tal-Ħidma Soċjali, il-Prim Ministru Robert Abela żar l-uffiċini tal-Appoġġ fi Gwardamanġa u tal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali f’Santa Venera.
Il-Prim Ministru ltaqa’ wkoll mal-ħaddiema tal-helpline 179.
Flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-FSWS, Alfred Grixti, il-Prim Ministru esprima l-apprezzament tiegħu għall-ħidma mwettqa mill-ħaddiema soċjali mal-aktar nies vulnerabbli fis-soċjetà.
Dr Abela nnota kif in-nefqa globali marbuta mas-soċjal kompliet tiżdied minn sena għall-oħra.
Fil-fatt, is-sena l-oħra, l-investiment fl-FSWS qabeż it-tmienja u għoxrin miljun ewro – kważi erba’ darbiet iktar minn għaxar snin ilu.
L-FSWS illum timpjega disa’ mija u tmienja u erbgħin impjegat, li tmenin fil-mija minnhom huma ħaddiema soċjali u professjonisti oħra li jagħmlu xogħol dirett mal-persuni vulnerabbli.
Waqt iż-żjara, ġie spjegat lill-Prim Ministru kif fl-aħħar snin, l-FSWS żiedet sew is-servizzi li toffri fosthom dawk tal-protezzjoni tat-tfal, kontra l-vjolenza domestika u għajnuna għal min jabbbuża mis-sustanzi.
Mal-preżenza fiċ-ċentri tal-FSWS f’diversi rħula Maltin u Għawdxin, jingħataw ukoll servizzi fl-isptarijiet mill-ħaddiema soċjali, fosthom fl-Isptar Mater Dei, f’Monte Karmeli u fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex, kif ukoll fir-Residenza San Vinċenz de Paul.
Professjonisti oħra huma wkoll assenjati biex jagħtu servizz lil diversi entitajiet oħra tal-Gvern li jaħdmu fil-qasam soċjali, bħall-Aġenzija għall-Anzjanità Attiva, l-Awtorità tad-Djar u l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Waqt dawn iż-żjarat, il-Prim Ministru kien akkumpanjat mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon.