Il-Prim Ministru Robert Abela, u s-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar, żaru l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika, fejn kienu t-tnejn milqugħa mill-Awditur Ġenerali Charles Deguara u d-Deputat Awditur Ġenerali Noel Camilleri.
F’indirizz virtwali lill-ħaddiema, il-Prim Ministru wera l-apprezzament tiegħu għax-xogħol tajjeb u importanti li jsir f’dan l-Uffiċċju. Hawn enfasizza l-bżonn li dan iħares dejjem l-indipenenza u n-newtralità tiegħu biex jibqa’ jgawdi l-fiduċja ta’ kulħadd.
L-Awditur Ġenerali enfasizza li l-iskop primarju ta’ dan l-Uffiċċju hu li dawk in-nuqqasijiet li jiġu identifikati matul l-awditjar li jsir jiġu indirizzati bl-aħjar u l-iqsar mod possibbli. B’hekk, tissaħħaħ dejjem il-governanza tajba fis-settur pubbliku. Żied ukoll li l-Uffiċċju ressaq proposti biex jissaħħaħ aktar il-qafas leġiżlattiv li jirregola x-xogħol tal-Uffiċċju.
Id-Deputat Awditur Ġenerali semma li l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali hu kommess ikompli l-pjan ta’ azzjoni tiegħu għal bejn l-2019 u l-2023, li jinkludi t-tisħiħ tal-effiċjenza u l-effettività tiegħu.