Il-lukanda Westin Dragonara Resort f’San Ġiljan għamlet investiment ta’ madwar ħamsin miljun ewro.
Dan ħareġ waqt żjara li għamel fl-istess lukanda, il-Prim Ministru Robert Abela fejn akkumpanjat mit-tmexxija tagħha, li spjegatlu x-xogħol li sar biex din il-lukanda kompliet ittejjeb il-kwalità tal-prodott u servizz li toffri lill-klijenti tagħha.
Il-General Manager tar-Resort Michael Camilleri Kamsky fisser lill-Prim Ministru, l-investiment kontinwu u l-inizjattivi sostenibbli li qed isiru, fost l-oħrajn b’sistema ta’ reverse osmosis li tipproduċi l-provvista tal-ilma kollha meħtieġa għal-lukanda, u tagħmir energy-efficient biex tonqos id-dipendenza fuq il-fuels li jniġġsu l-arja.
Il-Prim Ministru nnota kif dan l-investiment huwa eżempju tas-sinerġija li teżisti bejn il-Gvern u s-settur privat li qed jimpenjaw irwieħhom biex joffru prodott turistiku li jattira turiżmu ta’ kwalità ogħla.
“Meta tara lill-privat jinvesti b’mod daqstant b’saħħtu, meta tara s-sinerġija li hemm mal-viżjoni tal-Gvern lejn turiżmu ta’ kwalità ogħla għax fl-aħħar mill-aħħar dan l-investiment ifisser li bis-saħħa tiegħu nistgħu nattiraw turisti ta’ kwalità aħjar, lanqas nitkellem dwar turisti biss. Nitkellem dwar il-mijiet jekk mhux eluf ta’ Maltin li jiġu f’din il-lukanda ta’ kull ġimgħa jqattgħu weekend break hawnhekk, jiġu jieklu hawnhekk. Jiġifieri mhux investiment li sar biss għat-turisti imma wkoll għall-poplu Għawdxi u Malti.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Dr Abela sostna kif b’hekk dan l-investiment juri l-fiduċja tal-investituri li jibqgħu jinvestu f’pajjiżna. Kien hawnhekk li nnota l-ħtieġa biex il-Gvern jibqa’ jimxi f’din id-direzzjoni biex flimkien mal-qasam privat jgħolli l-livell tal-ekonomija Maltija.
Il-Prim Ministru stqarr kif waqt li ltaqa’ mal-ħaddiema f’din il-lukanda spikkat il-miżura tat-tnaqqis fit-taxxa tad-dħul li beda jgawdi kull impjegat minnha sa mill-ewwel tas-sena.
“Tħadditna dwar il-mod kif mill-ewwel ta’ Jannar ta’ din is-sena, is-salarju tagħhom tela’ ‘l fuq għax għax fadal aktar flus fil-but tagħhom bis-saħħa tat-tax cut li l-ewwel elf ewro ta’ kull xahar għal dak li huwa qligħ m’humiex se jiġu ntaxxati, jiġifieri m’hemmx imqar ċenteżmu wieħed ta’ taxxa fuq l-ewwel elf ewro fix-xahar. Dak iħalli ħafna disposable income aktar fil-bwiet tal-familji tagħna.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Hawn fakkar kif din il-miżura kienet proposta li tinjetta sitta u sittin miljun ewro fl-ekonomija, iżda t-tnaqqis imħabbar ħalla mija u erbgħin miljun ewro fil-bwiet tan-nies.
Dr Abela temm jgħid li din il-miżura se tkun qed tissarraf b’żieda fil-produttività tal-ħaddiema.
![](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2025/02/09170205/PM_Westin_09-02-25_3-1024x639.jpeg)