Il-Prim Ministru Robert Abela żar żewġ ċentri għall-ħarsien tat-tfal li fl-aħħar xhur, raw investiment sostanzjali bil-għan li joffru l-aqwa ambjent lit-tfal li jattendu fihom.
Is-servizz taċ-childcare b’xejn, introdott minn Gvern Laburista, baqa’ kulma jmur jissaħħaħ u llum huwa meqjus bħala wieħed mill-aktar servizzi ta’ sostenn għall-familji, partikolarment dawk li jaħdmu.
Fl-ewwel żjara fiċ-childcare centre “Little Treasure” f’Ħaż-Żebbuġ, is-sinjura Charmaine Debono spjegat lill-Prim Ministru dwar l-opportunitajiet fis-settur, u qaltlu li fetħet it-tieni ċentru minħabba d-domanda u l-ħtieġa ta’ investiment kontinwu f’servizz ta’ kwalità.
Il-Prim Ministru, akkumpanjat mill-Membru Parlamentari Malcolm Paul Agius Galea, sema’ kif b’investiment ta’ iktar minn miljun ewro, dan iċ-ċentru qed ikopri firxa wiesgħa ta’ servizzi u riżorsi essenzjali biex jagħtu l-aqwa esperjenza edukattiva lit-tfal.
Huwa semma l-benefiċċji ta’ dawn iċ-ċentri, anki meta wieħed iħares lejhom id f’id ma’ miżuri oħra, bħat-tapering tal-benefiċċji u l-in-work benefit, u rrimarka kif il-privat qed ikompli jinvesti biex flimkien mal-Gvern, isaħħaħ dan is-servizz.
Fil-fatt, fit-tieni żjara akkumpanjat mill-Membru Parlamentari Davina Sammut Hili, il-Prim Ministru żar iċ-childcare centre “Quaddies” fl-Imrieħel, li b’investiment ta’ tliet mitt elf ewro qed joffri servizz lil madwar sebgħin tifel u tifla.
Is-sinjura Christine Camilleri spjegat li l-investiment huwa maħsub biex ikun ta’ servizz għall-ġenituri li jaħdmu fil-viċinanzi.
Il-Prim Ministru rrefera għall-irwol li dawn iċ-ċentri u l-professjonisti li jaħdmu fihom għandhom fil-ħajja ta’ dawn it-tfal, fi snin meqjusa bħala kruċjali fl-iżvilupp tat-tfal.
Huwa tenna li s-sistema se tibqa’ tassigura li jkun hemm l-ogħla standards.
Il-Prim Ministru rringrazzja lill-edukaturi u ħaddiema kollha tas-servizz li joffru lit-tfal u ħeġġiġhom ikomplu jitħarrġu f’korsijiet edukattivi biex jimxu ’l quddiem fil-karriera tagħhom.