Fl-aħħar snin Sport Malta wettqet għexieren ta’ proġetti sportivi u kabbret in-numru ta’ faċilitajiet tagħha u tinsab involuta fl-organizzazzjoni tal-Logħob tal-Ispecial Olympics 2022 u l-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar Ewropej 2023 li t-tnejn se jsiru f’pajjiżna.
Din l-entità governattiva għandha l-għan li tiżviluppa l-isport u l-attività fiżika f’pajjiżna.
Il-Prim Ministru Robert Abela, akkumpanjat mis-Segretarju Parlamentari Clifton Grima, żar il-Kumpless Sportiv tal-Kottonera fejn tkellem u ltaqa’ mal-ħaddiema ta’ Sport Malta.
Fil-preżent Sport Malta timpjega 95 ħaddiem full-time u 350 part-time, fil-faċilitajiet tagħha fil-Kumplessi Sportiv fil-Kottonera, Marsa, Ħamrun u Kirkop, il-Pixxina Nazzjonali f’tal-Qroqq kif ukoll ix-Shooting Range f’Ta’ Kandja.
Kien spjegat li Sport Malta hija r-regolatur u anke toffri skemi ta’ assistenzi varji lill-għaqdiet u klabbs tal-isport.
L-entità toffri wkoll servizzi bi programmi ta’ attività fiżika u sport fil-komunità. Mit-13 ta’ Lulju ’l quddiem, il-faċilitajiet se jkunu qegħdin jilqgħu eluf ta’ parteċipanti għall-programm Summer on the Move.
Il-Prim Ministru saħaq li l-Gvern huwa kommess li jkompli jinvesti f’infrastruttura moderna bl-għan li Malta tkun fost l-aqwa pajjiżi Ewropej li toffri kull opportunità lil dawk interessati fl-isport sabiex jilħqu l-objettivi tagħhom, fosthom l-investiment ta’ €9 miljun li tħabbar ftit tal-jiem ilu għal proġett fiċ-ċentru sportiv tal-Marsa.
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Volontarjat Clifton Grima saħaq li x-xogħol li jagħmlu dawn il-ħaddiema huwa indispensabbli biex ikollna soċjetà aktar b’saħħitha.
Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv ta’ Sport Malta Mark Cutajar ta ħajr ukoll lill-Gvern talli fl-aħħar snin żied il-baġit dedikat lill-isport sabiex jintlaħqu l-miri li hemm ippjanati għas-snin li ġejjin.