Il-Prim Ministru Robert Abela żar għall-għarrieda ċ-ċentru ta’ Ħal Luqa fejn ta’ kuljum isiru t-testijiet għall-Coronavirus.
Huwa rringrazzja lill-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa u aċċerta ruħu mill-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema f’dan iċ-ċentri.
Il-Prim Ministru fakkar kif pajjiżna għandu rata għolja ta’ testijiet għall-virus.
Fil-fatt Malta għandha rata ta’ tliet darbiet iktar mill-medja Ewropea u saħansitra ta’ tnejn u għoxrin darba aktar minn dak rakkomandat mill-għaqda dinjija tas-saħħa.
Ta’ kuljum f’dan iċ-ċentru tim professjonali jieħu t-testijiet lil dawk kollha li jmorru sabiex jagħmlu t-test għall-Covid-19.
F’din iż-żjara il-Prim Ministru kellu l-opportunità li jqatta’ ftit ħin f’dan iċ-ċentru u jitkellem mal-ħaddiema u jirringrazzjhom tal-ħidma tagħhom lejn il-poplu Malti.
Minn Marzu l’ hawn saru aktar minn mija tlieta u erbgħin elf u tliet mitt test.
Għal dawn l-aħħar xhur, kemm fiċ-ċentru ta’ Ħal Luqa kif ukoll fiċ-ċentru ta’ Pembroke, eluf marru jiċċekjaw lilhom infushom minħabba dan il-virus.
Din il-ġimgħa, l-awtoritajiet tas-saħħa se jiftħu żewġ ċentri oħra ta’ testijiet f’Ħal Qormi u Burmarad biex ilaħħaq mad-domanda għat-testijiet.