Fis-sena li timmarka ċentinarju mit-twaqqif tal-Grupp Attard & Co, dawk fit-tmexxija qalu li l-isfidi tal-pandemija ħarġu fid-deher ir-reżiljenza tal-istess grupp.
Waqt żjara li għamel il-Prim Ministru Robert Abela fl-uffiċini tal-grupp, il-Kap Eżekuttiv, John Charles Ellul, spjega fiex issarrfet l-għajnuna tal-Gvern f’xhur ta’ sfidi bla preċedent.
Huwa stqarr: “Minkejja d-diffikultajiet kollha u bl-għajnuna li ngħatajna mill-Gvern, prattikament irdoppjajna l-workforce, sales żidnihom b’xi erbgħin fil-mija u rnexxielna ninvestu wkoll f’areas li qabel ma konniex qed inħarsu lejhom.”
Iċ-Chairman tal-Grupp, Kenneth Farrugia qal li l-kumpanija qiegħda kontinwament tesplora swieq ġodda fejn timraħ is-servizzi.
Qal ukoll li bil-fiduċja li wera l-Gvern fin-negozji tul il-pandemija, għamlu kuraġġ biex jinvestu aktar.
Huwa tenna: “Ir-reżiljenza tal-grupp toħroġ mill-fatt li għaddejna minn perjodu diffiċli ħafna u xi ftit jew wisq għadna għaddejjin minn dal-perjodu tal-pandemija, però rajna li dan effettivament saħħaħ il-pożizzjoni tal-grupp għaliex konna reżiljenti għaċ-challenges li offriet din il-pandemija.”
Il-Prim Ministru Robert Abela sostna li kumpaniji bħal Attard & Co ħaqqhom kull tifħir li f’mumenti ta’ sfida baqgħu reżiljenti għaliex kienu innovattivi.
Lill-ħaddiema qalilhom li huma xhieda ta’ kemm jagħmel sew il-Gvern li jinvesti fin-negozji u fihom stess.
Qalilhom ukoll li żjara bħal din turi l-frott tal-inizjattivi tal-Gvern għaliex reġgħu qabdu r-rutina tax-xogħol u qed ikomplu jirreġistraw riżultati pożittivi.
Il-kumpanija twaqqfet fl-elf disa’ mija u wieħed u għoxrin bħala aġenzija tal-assigurazzjoni u matul is-snin progressat biex illum toffri servizzi varji, fosthom fl-industrija tal-ikel u x-xorb, konsultazzjoni finanzjarja, servizzi fil-qasam forensiku u tas-saħħa, farmaċewtika, u bini u kostruzzjoni.