Fl-ewwel diskors tiegħu bħala l-Prim Ministru l-ġdid tal-Iżrael, Naftali Bennett wiegħed li se jgħaqqad in-nazzjon wara li fl-aħħar sentejn, il-pajjiż għadda minn erba’ elezzjonijiet ġenerali li ħallew firda fost il-poplu.
Huwa qal dan wara li qamet kommossjoni fil-Knesset, il-Parlament Iżraeljan f’Ġerusalemm, meta bosta qamu jopponu l-għażla tal-Prim Ministru l-ġdid.
Bennett issa għandu maġġoranza ta’ xagħra fil-Knesset hekk kif 60 membru wera fiduċja fil-Prim Ministru l-ġdid u 59 membru vvutaw kontra.
Din hija l-ewwel darba li l-Gvern qed imexxi b’maġġoranza daqstant żgħira, b’hekk jagħmel dan il-Gvern l-aktar instabbli.
Bennett se jkollu għadma iebsa sabiex iżomm it-tmien partiti b’ideoloġiji differenti magħqudin.
Bennett għandu Prim Ministru sa Awwissu ta’ sentejn oħra u wara mistenni jkompli l-leġiżlatura Yair Lapid bħala Kap tal-Gvern Iżraeljan.
Benjamin Netanyahu, li kien ilu Prim Ministru tal-Iżrael għal dawn l-aħħar 12-il sena, issa se jkun il-Kap tal-Oppożizzjoni.
Fl-ewwel diskors tiegħu fis-siġġu tal-oppożizzjoni, Netanyahu ta’ l-kelma tiegħu li se jirritorna fit-tmun tal-pajjiż.