Il-Prim Ministru Robert Abela għamel żjara fiċ-Ċentru ta’ Riżorsa Dun Manwel Attard fil-Wardija, l-istess skola fejn tattendi Naomi Pace, it-tfajla li lejliet il-Jum Internazzjonali tal-Persuni b’Diżabbiltà qattħget ġurnata mal-Prim Ministru.
Din l-iskola toffri edukazzjoni għal madwar mitt student b’ħiliet differenti bejn l-etajiet ta’ sittax u wieħed u għoxrin sena. Naomi dawret lill-Prim Ministru mal-iskola fejn ra kif tqatta’ l-ġurnata hi. L-iskola tagħmel ħilitha biex toffri iktar mill-edukazzjoni tradizzjonali, fosthom terapija relatati mal-arti u taħriġ marbut mad-dinja tax-xogħol.
Iċ-Ċentru ta’ Riżorsa Dun Manwel Attard hija attiva ħafna fil-komunità u hija involuta f’ħafna attivitajiet, u għalhekk rebħet bosta premji f’dan is-settur. Hija kkunsidrata wkoll bħala l-ewwel skola organika f’Malta.
Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru kien impressjonat bis-servizz u dedikazzjoni li juru l-ħaddiema ta’ din l-iskola. Huwa tkellem fuq l-importanza ta’ tranżizzjoni komda għall-istudenti li jtemmu l-edukazzjoni tagħhom f’din l-istituzzjoni edukattiva sabiex jidħlu fid-dinja tax-xogħol u joffru sehemhom fis-soċjetà.
Intant, il-Kap tal-Iskola, Nicholas Agius irringrazzja lill-Gvern tal-għajnuna bla waqfien li dejjem wera. Stqarr kif din l-iskola hija xhieda ta’ kif persuni b’diżabilità jistgħu jintegraw iktar fis-soċjetà.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana enfasizzat l-importanza tal-inklużjoni fis-sistema edukattiva. Sostniet kif il-ħidma tal-ħaddiema fi ħdan l-iskola twassal sabiex persuni b’diżabilità jkunu aktar konxji tal-kapaċitajiet tagħhom.
Preżenti kien hemm ukoll il-Ministru għall-Inklużjoni Julia Farrugia Portelli li faħħret lil din l-istituzzjoni għall-inklużjoni li taspira fl-istudenti tagħha. Hi għalqet billi qalet li dan it-tip ta’ tagħlim hu l-ikbar għodda għall-persuni b’diżabilità għaliex toffri togħma tad-dinja tax-xogħol.