Il-Prim Ministru Robert Abela nsista li l-poplu għandu jkun protett minn żidiet fil-prezzijiet li jaf ikunu qed imorru minn dak li hu ġust. Hu ddikjara dan meta kien qed iwieġeb id-domandi tal-ġurnalisti.
“Kull min jitkellem li l-poplu tagħna għandu jiġi protett, allura jien naqbel li l-ħafna għandhom jiġu protetti,” qal il-Prim Ministru li fakkar kemm il-gvern ta għajnuna lin-negozji fl-aħħar snin.
Il-Prim Ministru ddikjara li l-gvern se jibqa jgħin lin-negozji fejn meħtieġ u żied: “Nemmnu wkoll li dan irid jiġi reċiprokat fiż-żamma ta’ prezzijiet li huma ġusti. Mhux qed ngħid prezzijiet li ma jippermettux profitti li huma diċenti, kulħadd jaħdem biex jaqla’ l-għajxien diċenti tiegħu, u n-negozji leġittimi għandhom ikollhom dik il-fakultà. Peró jekk hemm mumenti, semmejt il-qasam tal-farmaċewtika, u hemm semmejt kif fil-ġimgħat li ġejjin se nħabru reviżjoni l-isfel ta’ numru ta’ mediċini. Dak il-messaġġ nibagħtu wkoll fil-konfront, biex nagħti eżempju, ta’ importaturi tal-ikel,” qal il-Prim Ministru li saħaq kif ma jistax jifhem kif hawn min qed joħodha kontra li l-poplu jkollu prezzijiet li huma ġusti.