F’laqgħa tal-Kabinett li saret fil-binja tal-Kamra tal-Kummerċ, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar viżjoni li l-Gvern se jimxi fuqha għal ekonomija aktar b’saħħitha u kwalità ta’ ħajja aħjar għall-poplu Malti u Għawdxi.
Quddiem ir-rappreżentanti minn kull tessut tal-qasam tan-negozju, il-Prim Ministru wassal viżjoni b’saħħitha għal Malta msejsa fuq ħames pilastri.
Il-Prim Ministru stqarr, “Mhux se nħares lura. Imma se nagħti l-bażi li fuqha l-gvern qed jaħdem biex nibnu fuq it-tajjeb u nirranġaw fejn seta’ sar aħjar. Ma rrid innaqqas xejn mit-tajjeb li ksibna. Imma llum għandna esperjenza biżżejjed biex nipproponu flimkien mudell ekonomiku ġdid ibbażat fuq prinċipju li madwaru rridu nibnu l-mudell ekonomiku ġdid: Kwalita’ ta’ ħajja aħjar.”
L-ewwel punt ta’ prinċipju huwa dak ta’ Governanza tajba, fejn il-Prim Ministru semma li Malta diġa’ għandha l-bażi u wittiet it-triq għal dan, hekk kif fil- ġimgħat li għaddew rajna l-introduzzjoni ta’ liġijiet storiċi, fosthom dawk bbażati fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja.
It-tieni prinċipju huwa msejjes fuq tkabbir ekonomiku għal kwalità ta’ ħajja aħjar.
Għal dan il-prinċipju, Dr. Abela għamel enfasi fuq il-qasam soċjali, fejn semma li l-housing għandu jkun ta’ prijorità u qal li l-Gvern se jkun qed jara u jiżgura li pajjiżna jattira kwalità aħjar ta’ turisti.
Iżda apparti dan, il-Prim Ministru tenna li l-ambjent se jkun ċentrali f’dan kollu. Saħaq kif pajjiżna għandu l-isfida tal-immaniġjar tal-iskart u jaraw li Malta tkun aktar nadifa, b’inqas trab fl-arja, b’iktar spazji miftuħa u deċiżjonijiet aħjar ta’ ppjanar.
It-tielet punt ta’ prinċipju huwa dak tal-edukazzjoni għal ekonomija b’saħħitha fit-tul.
Il-mira tal-Gvern issa hija dik li jimodernizza l-infrastruttura edukattiva ta’ pajjiżna, b’mod partikolari ta’ kif qed jiġu preparati l-edukaturi u l-istudenti.
Dr Abela sostna, “Dan iwassalni għal dak li nemmen għandha tkun l-enfasi tal-ekonomija tagħna li fis-snin li ġejjin, nippreparaw l-istudenti tagħna f’oqsma bħal Life Sciences, robotics, coding, infrastruttura ta’ IT, software development, Intelliġenza Artifiċjali, Cloud Computing, Quantum, Cyber Security u Industrija 4.0 – ir-raba’ rivoluzzjoni industrijali. Dawn mhumiex il-futur. Dawn qed iseħħu bħalissa fl-oqsma tal-manifattura u industriji ġodda li diġà qed jirnexxielna nattiraw lejn Malta.”
Ir-raba prinċipju huwa t-titjib tal-Infrastruttura ta’ Malta. Hawnekk il-Prim Ministru ħabbar ukoll li wasal fi tmiemu l-proġett sabiex pajjiżna jkollu t-tieni fibre optic cable bejn Malta u Għawdex u b’hekk nattiraw aktar industriji ġodda lejn il-gżira tat-tliet għoljiet.
Il-bini tat-toroq ta’ Malta u Għawdex kollha, is-sistemi ta’ trasport aħjar u l-infrastruttura diġitali se jkunu wkoll minn ta’ quddiem fuq l-aġenda tal-Gvern fejn tidħol l-infrastruttura tal-pajjiż.
L-aħħar u l-ħames punt ta’ prinċipju hu li sal-elfejn u ħamsin Malta tkun ħielsa mit-tniġġis tal-karbonju, b’miri intermedjarji li jintlaħqu kull għaxar snin.
Il-Prim Ministru saħaq, “Irrid l-aqwa mħuħ f’Malta li jingħaqdu flimkien biex nilħqu dan l-għan, li mhuwiex wieħed ambjentali biss, imma huwa wkoll wieħed ekonomiku bbażat fuq mudell ġdid li rrid nara għal Malta. Dan huwa mudell li jmur lil hinn minn leġislatura waħda iżda li se jara sitt leġislaturi. Irridu nibdew bi preparazzjoni imma mhux biss kliem fl-arja. Ninċentivaw bis-serjetà modi ta’ trasport li jnaqqsu l-emissjonijiet. Li d-deċiżjonijiet kollha li nieħdu jkunu jħarsu l-kwalità tal-arja tagħna.”
Min-naħa tiegħu l-President tal-Kamra tal-Kummerċ David Xuereb fisser kif jinsab impressjonat bil-viżjoni li ħabbar il-Prim Ministru.
Xuereb tenna, “Aħna ilna naħsbu x’irridu naraw u kif irridu nissuġġerixxu lill-Gvern, intom il-policy makers. Intom il-Gvern, x’irridu naraw għal Malta fil-futur. U naraw il-Malta fil-futur għax verament irid ikollna l-viżjoni, Prim Ministru jien impressjonajtni dalgħodu nisimgħek titkellem fuq is-suġġetti kollha li nassigurak li m’hemm ebda waħda minn dawk li semmejt int li huwa in contrast ma’ dak li qed naħsbu aħna bħala kamra tal-kummerċ u smajthom organizzati kif taf tagħmel inti bil-mod kif elenkajthom huwa ta’ serħan il-moħħ kbir.”
Ritratti: Gareth Degiorgio/Shaun Cucciardi