Il-Prim Ministru Joseph Muscat tenna li lest iwaqqa’ l-każijiet tal-libelli fil-konfront ta’ Caruana Galizia kemm il-darba qrabatha jaċċettaw il-konklużjonijiet tal-inkjesta indipendenti dwar Egrant.
L-uffiċċju tal-Prim Ministru ppubblika ittra li ntbagħtet minn Dr. Joseph Muscat lill-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa Dunja Mujatovic.
Din tal-aħħar talbet lil Prim Ministru Malti biex iwaqqa’ l-każijiet ta’ libelli kontra l-familja ta’ Caruana Galizia.
Dan minkejja li wara l-mewt ta’ Daphne Caruana Galizia, il-familja kienet pronta li taċċetta li tiret il-każijiet fil-Qrati. Il-familja Caruana Galizia baqgħet issostni li ma taċċettax il-konklużjonijiet ċari tal-inkjesta indipendenti dwar il-każ Egrant.
L-inkjesta dak iż-żmien saret mill-Maġistrat inkwirenti Aaron Bugeja u kkonkludiet li l-istorja Egrant kienet gidba u l-evidenza li intużat fl-istorja kienet waħda falza. Filfatt, il-konklużjonijiet tal-inkjesta jgħidu li l-firem li ntużaw biex suppost jippruvaw li l-kumpanija Egrant kienet ta’ mart il-Prim Ministru, kienu foloz u ffabbrikati. Fl-ittra tiegħu l-Prim Ministru fakkar li f’Mejju tas-sena l-oħra daħlet liġi li fiha l-libell tneħħa minn wieħed kriminali.
B’reazzjoni għall-appell anki tal-Kummissarju tal-Kunsill tal-Ewropa li tixtieq li jitwaqqgħu każijiet pendenti ta’ terzi persuni fil-konfront ta’ Caruana Galizia, il-Prim Ministru saħaq li l-Gvern m’għandu l-ebda awtorità li jġiegħel persuni oħra biex iwaqqgħu l-każijiet li għandhom kontra Caruana Galizia fil-Qorti Ċivili.
Il-Prim Ministru qal li l-liġi dwar il-protezzjoni tal-ġurnalisti saret f’konsultazzjoni wiesgħa mal-Organizazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa.
Dr. Muscat fakkar li kienet saret diskussjoni mqanqla anki mill-Oppożizzjoni li talbet li każijiet dwar malafama ta’ persuni li imbagħad ikunu mietu, jibqgħu għaddejjin. Dan biex il-qraba jkollhom opportunità legali li jnaddfu isem il-persuna mejta li tkun mixlija b’malafama.