Il-Prim Ministru Robert Abela tenna li l-Gvern se jibqa’ jkun ta’ spalla għan-negozji u l-familji billi jkompli bil-politika ta’ stabbilità fil-prezzijiet tal-enerġija.
Hu tenna dan waqt laqgħa mal-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti u tal-Catering, l-ACE, fi stabbiliment tal-ikel f’Tas-Sliema, hekk kif Dr Abela kompla bil-laqgħat ta’ konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali qabel jiġi ppreżentat il-baġit fit-30 ta’ Ottubru li ġej.
Il-Prim Ministru sostna li s-sostenn f’dan il-qasam ma jistax jieqaf jekk irridu niġġieldu l-inflazzjoni u hawnhekk tenna l-impenn tal-Gvern li se jibqa’ jkun ta’ sostenn.
Dr Abela tkellem ukoll dwar iċ-ċifri rekord li qed jiġu rreġistrati fis-settur turistiku u tenna dwar il-bilanċ bejn in-numri u l-kwalità biex pajjiżna jkollu settur turistiku sostenibbli.
Dwar il-kwalità tas-servizz fl-industrija tat-turiżmu, Dr Abela qal li jeħtieġ nagħtu sinjal ċar ta’ fejn irridu li jitjiebu l-ħiliet f’pajjiżna. Irrefera għall-ħtieġa li anke ħaddiema barranin, fejn verament huma meħtieġa, ikollhom ħiliet aħjar.
Dr Abela tkellem dwar l-importanza tad-djalogu qabel ma jittieħdu d-deċiżjonijiet, iżda saħaq li finalment id-deċiżjonijiet jridu jittieħdu fl-interess tal-pajjiż.
Saħaq li b’diskussjoni ma’ msieħba ewlenin, bħalma hi l-Assoċjazzoni li tirrappreżenta l-Istabbilimenti tal-Catering, nistgħu nsaħħu s-settur b’politika li tkun effettiva, b’enfażi fuq il-kwalità u s-sostenibilità.
