Il-Prim Ministru Joseph Muscat tenna l-impenn tal-Gvern biex fis-snin li ġejjin it-trasport pubbliku f’pajjiżna jsir b’xejn għal kulħadd.
Dr Muscat qal dan waqt simposju mtella’ mill-Forum Ewropew għar-Riċerka u l-Edukazzjoni tal-Allerġija u Mard Respiratorju, EUROFEA dwar il-mard respiratorju u sistemi tas-saħħa diġitali fil-Parlament.
Spjega kif din il-miżura mistennija tkompli ttejjeb l-arja ta’ pajjiżna minħabba li se twassal għal tnaqqis fl-użu tal-karozzi personali.
Waqt li tenna l-viżjoni tiegħu għall-ġejjieni, Dr Muscat qal li t-trasport pubbliku b’xejn irid isir dritt fundamentali bħalma huma servizz ta’ saħħa b’xejn, child care b’xejn u servizzi edukattivi b’xejn.
Il-Prim Ministru fakkar kif fi ftit snin pajjiżna bidel is-sors tal-enerġija tiegħu mill-Heavy Fuel Oil għall-gass. Spjega kif grazzi għall-qalba għall-gass, pajjiżna rreġistra fost l-akbar tnaqqis ta’ dijossidu tal-karbonju u partiċelli fl-arja minn fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Din il-politika tal-Gvern intlaqgħet mill-professur tas-sistema respiratorja Wytske Fokkens fejn sostniet li d-dijossidu tal-karbonju u l-partiċelli għandhom jitnaqqsu mill-arja tagħna.
“Everything we can do to reduce CO2 and small particles in the air will eventually help to reduce the illness of our respiratory system,” qalet Fokkens.
Dr Muscat fakkar ukoll kif il-Gvern irid li pajjiżna jkun minn fost l-ewwel pajjiżi Ewropej li jaqleb għall-karozzi elettriċi. Dan bil-għan li sas-sena 2030 pajjiżna jkompli janqqas il-gassijiet perikolużi mill-arja.
Spjega kif ir-rapport dwar il-qgħad tas-saħħa tal-Unjoni Ewropea wera kif pajjiżna għandu fost l-aqwa servizzi tas-saħħa Ewropej b’90% tal-popolazzjoni qed jgixu ħajja f’saħħithom.
Hawnekk huwa kellu kliem ta’ tifħir għall-professjonisti li qed jaħdmu b’dedikazzjoni kbira fil-qasam mediku ta’ pajjiżna.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar is-servizzi diġitalizzati tas-saħħa. Fakkar kif pajjiżna ngħata t-titlu tal-blockchain island u spjega kif din it-teknoloġija tista’ tkun għodda importanti ħafna sabiex tkompli ttejjeb is-servizzi tas-saħħa f’pajjiżna.
Spjega kif il-blockchain tista’ tintuża fiż-żamma tar-rekords tal-pazjenti bl-aktar mod sigur u ferm aktar effiċjenti mis-sistemi użati f’pajjiżna.