Il-Prim Ministru Joseph Muscat tenna l-appoġġ ta’ Malta biex il-Maċedonja ta’ Fuq tissieħeb fl-Unjoni Ewropea.
Dr Muscat tenna din il-pożizzjoni waqt laqgħa li kellu mal-Prim Ministru tal-Maċedonja ta’ Fuq Zoran Zaev fi New York fejn bħalissa qiegħed jattendi għall-74 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda.
Stqarrija tal-Gvern qalet li ż-żewġ naħat iddiskutew id-deċiżjoni li trid tittieħed mill-Kunsill tal-Ewropa dwar il-ftuħ tan-negozjati mal-Maċedonja ta’ Fuq dwar is-sħubija tagħha fl-Unjoni Ewropea.
Il-Prim Ministru tenna l-appoġġ ta’ Malta wara li l-Maċedonja ta’ Fuq wettqet bosta riformi, fosthom il-bidla fl-isem tal-pajjiż hekk kif imħeġġa tagħmel mill-Unjoni Ewropea.
Il-Prim Ministru Zaev ta ħajr lil Malta għall-appoġġ kontinwu tagħha u qal li l-Maċedonja ta’ Fuq hija miftuħa għal aktar relazzjonijiet u negozju bejn iż-żewġ pajjiżi.
Dr Muscat kien akkumpanjat mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Investiment Carmelo Abela.