“Prim Ministru li jagħmel din il-breaktrough fl-investigazzjoni billi jagħmel xi ħaġa li biha l-verità toħroġ, il-verità kollha toħroġ, huwa Prim Ministru li jrid il-verità tirrenja.”
Dikjarazzjoni ċara mill-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici fil-Parlament it-Tlieta, li f’intervent f’seduata parlamentari taħraq reġa’ tenna l-għajta tal-Gvern li dan huwa l-mument tal-għaqda u mhux tal-konfrontazzjoni.
Il-Ministru Bonnici sostna: “Irridu ningħaqdu wara l-awtoritajiet indipendenti u nagħmilha bold bl-underline indipendenti u bil-fatti indipendenti li ma jħarsu lejn wiċċ ħadd li ma joqogħdux jgħidu dak u l-ieħor. Jekk hemm xi ħadd li hemm bżonn jiġi mistoqsi, jiġi mistoqsi, jekk hemm xi ħadd li hemm bżonn jiġi interrogat, jiġi interrogat, jekk hemm bżonn jieħdu deċiżjoni jieħdu deċiżjoni. Aħna hemm bżonn ningħaqdu warajhom u meta jiġu stabbiliti l-fatti kollha, meta mbagħad inkunu nafu l-verità mbagħad hemmhekk il-pajjiż ikun jista’ jersaq għall-closure.”
Il-Ministru Bonnici rrefera wkoll għall-fatt li l-Kummissjoni Venezja li skrutinizzat il-liġjiet kollha tal-pajjiż u saħansitra ma kellha l-ebda ilment dwar il-proklama. Hawn sejjaħ l-għoti tal-proklama mill-Prim Ministru bħala breakthrough, u li l-Prim Ministru żamm il-pubbliku informat b’dak li qed jiġri, għax il-poplu għandu d-dritt li jinżamm infurmat. Huwa sostna: “Ma qalitx hi ħażina. Mela għaliex issa f’daqqa waħda għax il-Prim Ministru kellu l-kuraġġ li jagħmel breaktrough fl-investigazzjoni f’daqqa waħda issa anka l-proklama ħażina ta – is-sistema ħażina – għax il-Prim Ministru jagħti l-parir lill-President. Mela min tridu jagħti l-parir lill-President?”
Il-Ministru żied jgħid li għall-ewwel darba fl-istorja ta’ pajjiżna, fejn jidħlu omiċidji ta’ din il-gravità, il-poplu qed jara r-riżultati: “Għax aħna niftakru omiċidji oħra. Kellek Prim Ministri jiftaħru li jafu lil min qatel lil dak u l-ieħor umbagħad f’25 sena kollox miet fuq ommu. F’dan il-każ mhux hekk ġara u mhux hekk qed jiġri. Qed naraw Prim Ministru li qed jagħmel dak kollu li huwa fil-poter tiegħu biex il-verità toħroġ.”
Il-Ministru Owen Bonnici xejjen id-dikjarazzjonijiet esaġerati tal-Oppożizzjoni dwar is-saltna tad-dritt f’pajjiżna u sostna li dak li qed jiġri huwa konferma ċara li l-istituzzjonijiet f’pajjiżna qegħdin jaħdmu.
“Meta jgħidu li f’Malta xejn ma jaħdem, mhumiex jgħidu s-sewwa. U jekk xejn, il-progress fl-investigazzjoni tal-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia jmeri bil-fatti din il-viżwali u din l-istampa li qiegħda titpenġa tal-pajjiż.”, temm jgħid il-Ministru Bonnici.