Il-Prim Ministru Joseph Muscat sostna li l-Kap tal-Oppożizzjoni m’għandux il-kredenzjali li jitkellem dwar ħasil tal-flus meta skont kif irrapportat mill-mezzi tax-xandir qed jiġi investigat dwar ħasil tal-flus.
“Il-Kap tal-Oppożizzjoni għadu kif għamlilna priedka dwar ħasil tal-flus. Ma naħsibx li hawn persuna aktar addattat f’dan il-Parlament li titkellem dwar il-ħasil tal-flus, min hu persuna li qed tiġi investigata dwar ħasil tal-flus, skont il-mezzi tax-xandir”, qal il-Prim Ministru.
Bil-Prim Ministru Muscat ilissen b’mod ċar li l-allegazzjonijiet dwar Adrian Delia u li qiegħed taħt investigazzjoni ħarġu fil-mezzi tax-xandir, il-Kap tal-Oppożizzjoni qam jgħajjat fil-Parlament għax deherlu li fuqu, rapport tal-gazzetta m’għandux jittieħed bħala fatt.
Dan għall-kuntrarju li għamel Delia stess fuq membri tal-Gvern fejn rapport fil-midja minnufih għamlu tiegħu u beda jqisu bħala fatt u mhux allegazzjoni.
Filwaqt li l-iSpeaker intalab jintervjeni, ħareġ ċar li l-Prim Ministru kien qed jikkwota rapport ta’ gazzetta.
“Is-sedja hija kuntenta b’dak li qal il-Prim Ministru, li qed jikkwota mill-gazzetta. Kompli Prim Ministru”, saħaq l-iSpeaker Anġlu Farrugia, bil-Prim Ministru jwieġeb:
“Sur President niċċara li jien mal-ewwel għedtha, skont il-mezzi tax-xandir, qabel ma intervjena l-Kap tal-Oppożizzjoni”.
Intant, mistoqsi minn ONE News dwar ir-rapport fit-Times li żvela li jinsab investigat dwar każ ta’ ħasil ta’ flus minn ċirku ta’ prostituzzjoni f’Londa, Delia sejjaħ ir-rapport tat-Times spekulattiv, u saħansitra qal li jekk ikun investigat ma jirriżenjax.
“Irrid nara fuqxiex inhi l-investigazzjoni, irrid nara jekk hux qed jinvestigaw lili jew lil ħaddieħor. S’issa ma naf xejn, mela dik hija spekulazzjoni.” “Jekk jinvestigawk tirriżenja?” “Le, m’għedtlekx hekk.”
It-tlaqliq u t-tidwir mal-lewża ta’ Delia li skont rapporti fil-midja jinsab taħt investigazzjoni serja, ġie rifless ukoll fost id-deputati tiegħu, partikolarment dawk li ħadmulu biex sar Kap tal-Partit Nazzjonalista.
“Inti taħseb fl-opinjoni tiegħek, min ikun taħt lenti ta’ investigazzjoni tal-pulizija, taħseb li għandu jirriżenja? M’għandux x’jaqsam, jiddependi ħafna xi tkun is-sitwazzjoni”, qal id-Deputat Herman Schiavone
“Jiddependi xi tkun dik l-investigazzjoni u imbagħad niddeċiedu. Għax kull każ differenti minn ieħor”, saħaq il-Viċi-Kap Nazzjonalista, David Agius.
Dan filwaqt li ħaddieħor ħassu skomdu għall-mistoqsijiet tagħna, tant, li d-Deputat Mario Galea qalilna “jekk inti tixtieqlli nwieġbek bil-mod kif trid int, darb’oħra iktibli risposta, u naqraha”.
Dan filwaqt li l-Kap tal-Oppożizzjoni, li skont rapporti fil-midja jrid ikompli jiskonġra anki jekk mhux pur, laqat il-musmar fuq rasu għalih innifsu, u qal li “ċertament ma nistgħux napplikaw two weights two measures”.