Il-Prim Ministru Brittaniku Boris Johnson rebaħ l-appoġġ tal-maġġoranza tal-Membri Parlamentari tal-partit li jmexxi, f’vot ta’ fiduċja li ttieħed ilbieraħ fil-Parlament Brittaniku. Dan seħħ fi sfond ta’ numru ta’ talbiet sabiex jirreżenja.
Johnson kiseb 59 fil-mija biss tal-voti, jiġifieri 211-il membru vvotaw li għandhom fiduċja fit-tmexxija tiegħu, filwaqt li 148 wrew li m’għandhomx, hekk kif ivvotaw kontra.
Il-Prim Ministru Brittaniku, fl-ewwel reazzjoni tiegħu, qal li kien riżultat tajjeb ħafna u konvinċenti. Minkejja li b’dan il-vot huwa se jibqa’ fit-tmexxija, l-awtorità tiegħu ddgħajjfet u ssaħħew aktar dawk li qed iqajmu l-irwiefen kontrih.
Intant, ir-riżultat tal-bieraħ huwa inqas minn dak li kienet ġabet l-eks Prim Ministru Brittanika Theresa May f’vot li kien ittieħed fl-2018. Hija kienet irriżenjat sitt xhur wara.