Id-Demokratiċi Liberali fl-Ingilterra jagħtu tkaxkira lill-partit immexxi minn Boris Johnson hekk kif saret by-election f’North Shropshire għas-siġġu tal-Membru Parlamentari konservattiv Owen Paterson, li kien irreżenja.
Għalhekk, issa s-siġġu se tieħdu Helen Morgan li kisbet 47.14% tal-voti, kważi 16% fil-mija aktar mill-kandidat mill-partit ta’ Johnson li kiseb 31.59% tal-voti mixħuta.
Dan ir-riżultat fid-distrett, li ilu għal dawn l-aħħar mitejn sena tradizzjonalment konservattiv, wassal għal numru ta’ reazzjonijiet. B’bosta jiddubitaw mill-kredibilità tal-Prim Ministru Ingliż, fosthom membri parlamentari mill-partit tiegħu stess.
F’dawn l-aħħar jiem, Johnson affaċċja kritika minħabba d-deċiżjonijiet li qed jieħu dwar il-pandemija u l-kontroll tal-infezzjonijiet, hekk kif fl-aħħar jiem ir-Renju Unit ra żidiet rekord jumejn fuq xulxin.
Fil-fatt, din il-ġimgħa nofs il-backbenchers tal-gvern Ingliż ivvotaw kontra l-miżuri b’rabta mal-COVID-19 li kien ħabbar Boris Johnson.
Għalhekk, issa qed tqum il-mistoqsija, x’se jiġri minn Johnson? Hekk kif bosta qed janalizzaw din l-elezzjoni bħala falliment fit-tmexxija tal-Prim Ministru Ingliż.