Kelliem għall-Prim Ministru Ingliż qal li l-familji għandhom jiddeċiedu għalihom infushom dwar l-attivitajiet soċjali fi żmien il-festi.
Dan meta l-każijiet fir-Renju Unit laħqu numri rekord mindu faqqgħet il-pandemija u l-Prim Ministru Boris Johnson qal li n-numri mistennija jibqgħu jiżdiedu fil-jiem li ġejjin.
Madanakollu nsista li l-Ingilterra mhux se tmur f’lockdown bil-moħbi.
L-iskejjel fir-Renju Unit jinsabu lesti li jeqilbu online f’każ li jkun hemm bżonn fit-terminu li jmiss, tant li wħud mit-tfal qed jintalbu jieħdu l-laptops magħhom id-dar qabel il-vaganzi tal-Milied.
Minkejja dan, il-Gvern qal li jinsab kommess li l-iskejjel fl-Ingilterra jibqgħu miftuħa f’Jannar.
F’konferenza tal-aħbarijiet, Boris Johnson qal li mhux se jagħlaq il-bars u r-ristoranti imma ħeġġeġ lin-nies biex jaħsbuha qabel jitħalltu ma’ nies bla bżonn.
Intant, Franza poġġiet restrizzjonijiet ġodda għal vjaġġaturi mir-Renju Unit, li fost l-oħrajn, iridu jippreżentaw test negattiv għall-Covid qabel jidħlu fil-pajjiż.