“Ninsabu ġirja kontra l-ħin.” Hekk qal il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson, waqt li kien qed jitkellem qabel ma numru ta’ mexxejja dinjija jibdew bit-taħditiet tagħhom fi Glasgow l-Iskozja fis-summit, tan-Nazzjonijiet Magħquda, dwar it-tibdil fil-klima COP26.
F’kummenti lill-ġurnalisti Johnson saħaq li l-mexxejja issa jridu jieħdu azzjoni biex jonqos l-effett tat-tibdil fil-klima. Huwa żied jgħid li dan huwa mument kritiku għalih, minħabba li xejn m’għadu ċert dwar l-effetti ta’ pjanijiet ambizzjużi.
Dan is-summit qed isegwi dak li kien tlaqqa’ f’Pariġi sitt snin ilu, fejn issejħet azzjoni biex it-temperatura medja ma tgħolhiex aktar minn żewġ gradi celcius meta mqabbla maż-żminijiet qabel l-iżvillupp industrijali.