Il-Prim Ministru Ingliż ħabbar pjan imqassam fuq erba’ xhur li mistenni jara lir-Renju Unit joħroġ mil-lockdown lejn l-aħħar ta’ Ġunju, u li fi kliem Boris Johnson, joffri l-aqwa soluzzjoni biex jiġi evitat lockdown ieħor fil-pajjiż.
L-istudenti mistennija jirritornaw fuq il-bankijiet tal-iskola fit-tmienja ta’ Marzu, u tliet ġimgħat wara fid-disgħa u għoxrin tax-xahar, gruppi sa sitt persuni se jitħallew jinġabru flimkien f’ġonna u parks pubbliċi.
Jekk is-sitwazzjoni tkun tajba, fit-tnax ta’ April mistennija jiftħu ħwienet, gyms u stilisti tax-xagħar, fost l-oħrajn, u tista’ titħabbar reviżjoni tal-pjan ta’ restrizzjonijiet għal vjaġġar internazzjonali.
Fis-sbatax ta’ Mejju jistgħu jiftħu ċinemas, mużewijiet u lukandi, filwaqt li fil-wieħed u għoxrin ta’ Ġunju potenzjalment jitneħħew ir-restrizzjonijiet kollha b’rabta mad-distanza soċjali.