Il-Prim Ministru Robert Abela sostna li bid-deċiżjoni tiegħu, il-Professur Edward Scicluna wera livell għoli ta’ rettezza u integrità filwaqt li pproteġa is-settur bankarju u dak tas-servizzi finanzjarji ta’ pajjiżna.
Huwa qal dan hekk kif kien qed iwieġeb il-ġurnalisti barra l-Berġa ta’ Kastilja ftit minuti wara li tħabbar kif il-Professur Edward Scicluna mhux se jibqa’ Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta sakemm ikun għadu għaddej il-każ tiegħu quddiem il-Qorti Maltija b’rabta mal-akkużi li qed jaffaċċja fuq il-konċessjoni tal-isptarijiet.
Waqt li kien qed iwieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, il-Prim Ministru sostna wkoll l-importanza tal-preżunzjoni tal-innoċenza f’dan l-istadju tal-proċeduri.
Dan flimkien mal-għaqal favur din id-deċiżjoni anke quddiem il-qafas regolatorju u deċiżjonijiet tal-Bank Ċentrali Ewropej u l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja li fil-fatt, jipproteġu lill-Gvernaturi tal-Bank Ċentrali.