Il-maġġoranza assoluta tal-kuntratturi f’pajjiżna applikaw biex ikunu konformi mal-liġi l-ġdida u jkollhom liċenzja biex ikunu jistgħu joperaw fis-settur tal-kostruzzjoni.
Dan ġie nnotat mill-Prim Ministru Robert Abela waqt laqgħa oħra ta’ konsultazzjoni ta’ qabel il-baġit, din id-darba mal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi, l-MDA, fil-Berġa ta’ Kastilja.
Dr Abela wera s-sodisfazzjon tiegħu għal dan l-iżvilupp li jkompli jikkonferma s-suċċess tal-Gvern fir-riformi li qed jimplimenta, partikolarment f’dan is-settur.
Il-Prim Ministru rrimarka kif dan is-settur illum qed jiffaċċja realtajiet u bżonnijiet ġodda, ħafna minnhom ukoll xprunati mis-suċċess ekonomiku li kiseb pajjiżna fl-aħħar snin.
Hawnhekk sostna kif il-Gvern se jibqa’ jimmira għal suċċess ekonomiku, madankollu wieħed li jkun aktar għaqli u li jwassal għal kwalità ta’ ħajja aħjar. Dan filwaqt li jindirizza r-realtajiet il-ġodda ta’ pajjiżna.
F’din il-laqgħa, il-Prim Ministru ta elenku tar-riformi li saru mill-Gvern f’dan is-settur fl-aħħar żmien, inkluża l-liġi l-ġdida tal-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà Fuq ix-Xogħol, l-OHSA, b’iżjed inforzar favur standards ogħla, u t-twaqqif tal-helpline ġdida 138.
Preżenti mal-Prim Ministru għal din il-laqgħa ta’ konsultazzjoni kien hemm ukoll il-Ministri Clint Camilleri, Byron Camilleri u Jonathan Attard, is-Segretarji Parlamentari Andy Ellul u Omar Farrugia, il-Membru Parlamentari Chris Agius u l-Kap tas-Segretarjat fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Mark Mallia.