Il-Prim Ministru Robert Abela sostna li dan il-Gvern se jibqa’ jwettaq bidliet u riformi kbar fil-pajjiż filwaqt li mhux se jħalli lill-Oppożizzjoni tmexxi bil-politika kappriċċjuża tagħha għad-detriment ta’ pajjiżna.
Dr Robert Abela qal dan f’diskors parlamentari hekk kif beda t-tieni qari tal-emenda dwar l-Att dwar l-istandards fil-ħajja pubblika: emenda intenzjonata biex tipprovdi għal mekkaniżmu ta’ riżoluzzjoni fil-proċess tal-ħatra tal-Kummissarju għall-iStandards fil-Ħajja Pubblika f’każ li l-ħatra b’vot ta’ żewġ terzi ma tinkisibx wara żewġ votazzjonijiet fil-Kamra tad-Deputati. Dan isir permezz ta’ votazzjoni li tintrebaħ b’maġġoranza sempliċi.
Il-Prim Ministru Robert Abela beda d-diskors tiegħu billi fakkar fil-proċess ta’ riformi li embarka fuqu Gvern immexxi minnu sabiex tiġi assigurata s-saltna tad-dritt f’pajjiżna.
Fost l-oħrajn, il-Prim Ministru fakkar fil-bidla fil-proċess ta’ ħatra tal-President ta’ Malta, tal-Prim Imħallef, u dik tal-Kummissarju tal-Pulizija; din tal-aħħar l-Oppożizzjoni Nazzjonalista rreżistietha tant li bbojkottjat il-proċess ta’ skrutinju tal-Kummissarju prospettiv, Angelo Gafà.
Kien hawn li l-Prim Ministru rrefera għas-sitwazzjoni preżenti dwar il-proċess tal-għażla ta’ Kummissarju għall-Ħarsien tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika.
B’rabta mal-introduzzjoni ta’ din l-emenda, Dr Abela sostna anke l-approvazzjoni tal-Kummissjoni Venezja dwar il-kunċett tal-anti-deadlock mechanism, ftit tas-snin ilu, meta kienu qed jiġu diskussi riformi kbar b’rabta mas-saltna tad-Dritt f’pajjiżna.
Huwa qal, “Dejjem qalulna li kull fejn dan il-Parlament kienu beħsiebu jintroduċi xi rekwiżit ta’ żewġ terzi għall-karigi partikolari, hemmhekk kien kruċjali li jkollna mekkaniżmu ta’ anti-deadlock. U għalxiex kienu insistenti fuq l-introduzzjoni ta’ dan il-mekkaniżmu biex jekk inti ma tagħmilx dan il-mekkaniżmu, faċilment illi jkollok sitwazzjoni kif issa qed nesperjenzaw fil-każ tal-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Istandards, li jkollok naħa li kappriċċużament, tibqa’ topponi għall-isem, u tibqa’ bil-kariga vakanti perpetwament.”
Il-Prim Ministru fakkar ukoll kif l-Oppożizzjoni kienet rreżistiet dan biex b’hekk il-Gvern kellu jintroduċi dawn il-proċessi tal-ħatra ta’ żewġ terzi mingħajr l-anti-deadlock mechanism, fl-aħjar interessi tal-pajjiż dakinhar.
Dwar l-isem propost, tal-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi, għall-kariga ta’ Kummissarju għall-Istandards għall-Ħarsien tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika, il-Prim Ministru afferma mill-ġdid li l-Oppożizzjoni qatt ma tat raġunjiet għaliex qed topponi din il-ħatra.
Stqarr, “Jopponu kariga, għadni kif semmejtha u nibqa’ nsemmiha, mingħajr ma jagħtu imqar raġuni valida waħda, u diffiċli biex jagħtu raġuni kontra l-eventwali vot tagħhom. Għaliex infakkar, li l-Prim Imħallef Emeritu kien inħatar Imħallef fiż-żmien, Gvern Nazzjonalista, inħatar Imħallef fiż-żmien li l-Gvern, kien jagħżel direttament il-Prim Ministru, l-Imħallfin u l-Maġistrati, mela kien bniedem tal-fiduċja tal-Gvern ta’ dakinhar, u eventwalment serva fl-għola kariga tal-qrati tagħna bħala Primus Enterpares, bħala l-President tal-Qorti, u serva din il-kariga b’dekor.”
Fuq kollox, il-Prim Ministru rrimarka li dan l-anti-deadlock mechanism li qed jipproponi l-Gvern huwa l-istess li ppropona l-Partit Nazzjonalista fil-manifest elettorali tiegħu tal-2017.
Il-Prim Ministru sostna, “Li l-emenda ikkupjajniha. Ikkupjajniha lock, stock barrel, mill-manifest elettorali tal-Partit Nazzjonalista tal-2017. Il-programm elettorali ‘Jien Nagħżel Malta’, fejn ħadna l-proposta numru 6 mill-faċċata numru 9, tal-manifest elettorali tagħkom, fejn dakinhar ħa nfakkarkom, kontu għidtu hekk: fost l-oħrajn tiddaħħal regola, li l-ħatriet fl-għola karigi tal-istat isiru b’żewġ terzi fil-Parlament. Sabiex ma niġux f’pożizzjoni li dawn il-karigi jibqgħu vojta, għax ma jkunx intlaħaq vot ta’ żewġ terzi fil-Parlament wara darbtejn, it-tielet vot ikun b’maġġoranza sempliċi, sabiex il-ħatra tkun tista’ ssir. Sur President, ħa nqiegħed l-estratt mill-manifest elettorali tal-Partit Nazzjonalista fuq il-mejda tal-kamra.”
Il-Prim Ministru sostna li l-ispirtu ta’ dan il-mekkaniżmu huwa li jintuża biss meta partit politiku, bħall-Partit Nazzjonalista llum, ipoġġi l-politika partiġġjana qabel l-aħjar interess tal-pajjiż.
Dan aktar u aktar meta l-Kap tal-Oppożizzjoni ġie mġiegħel imur lura minn kelmtu favur il-ħatra tal-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi għal din il-kariga minn klikka ta’ nies fil-Partit Nazzjonalista.
Il-Prim Ministru temm jgħid, “Jekk hawn, kif evidament hawn min qed jaħseb, li dan il-pajjiż jista’ joħloq ċirkostanzi fih illi jegħleb ir-rieda tal-poplu, u jgġibha fix-xejn biex jibqgħu jiddeċiedu u jsir dak li jridu huma, allura hemmhekk, se jkun qiegħed jgħarralkom bil-kbir. Aħna qegħdin hawnhekk, b’umilta’ se nibqgħu nwettqu l-bidliet u riformi kbar f’dan il-pajjiż, iktar riformi sabiex inkomplu mmexxu l-pajjiżna ‘l quddiem skont il-mandat b’saħħtu li tagħna l-poplu f’Marzu li għadda. Nirringrazzjakom.”