Il-Prim Ministru Joseph Muscat iddikjara li minkejja l-fatt li l-liġi l-ġdida tal-Edukazzjoni ma taffettwa bl-ebda mod il-warrants tal-għalliema, u li ħadd ma qajjem din il-kwistjoni matul perjodu twil ta’ konsultazzjoni, il-Gvern lest li jirtira l-abbozz ta’ liġi bħala sinjal ta’ rieda tajba.
F’kummenti lill-ġurnalisti, il-Prim Ministru qal li jistenna li l-Unjin tal-Għalliema tirtira b’mod immedjat l-istrajk li ħabbret għall-għalliema fl-iskejjel u l-istituzzjonijiet kollha edukattiva għal nhar it-Tnejn li ġej.
Fi stqarrija lbieraħ, il-Ministeru għall-Edukazzjoni talab laqgħa ta’ konċiljazzjoni mal-MUT biex jiċċara l-partijiet fil-liġi proposta li kienet qed toħloq ħafna mistoqsijiet minħabba interpretazzjoni skorretta. Dan hekk kif fl-ebda ħin il-Ministeru ma rrefera għal tħassir tal-warrant.
Despite the fact that there is no effect on warrants in new #Education Act, and nobody raised such issues during extensive consultation, government will withdraw draft &engage once more as a sign of goodwill. We expect @MaltaMUT to withdraw strike immediately -JM @EvaristBartolo
— Joseph Muscat (@JosephMuscat_JM) October 5, 2018
Intant, f’konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Ministeru għall-Edukazzjoni, il-President tal-MUT Marco Bonnici qal li d-deċiżjoni dwar l-irtirar tal-istrajk se tittieħed waqt laqgħa tal-Kunsill tal-MUT illum waranofsinhar.