Il-Prim Ministru Joseph Muscat dalgħodu ħeġġeġ lill-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew Alfred Sant biex jerġa’ jikkontesta l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Laburista f’Mejju li ġej.
“Kont qed nisma’ l-analiżi tajba ħafna ta’ Alfred Sant li naħseb li l-mod ta’ kif janalizza l-affarijiet huwa ‘second to none’. Naħseb li jekk qatt kellna bżonn konferma tal-bżonn li jibqa’ attiv u jibqa’ fil-Parlament Ewropew tahielna dalgħodu. Jien l-ewwel wieħed inħeġġu biex ma joqgħodx itertqilna qalbna għax pajjiżna għandu bżonnu u l-Partit Laburista għandu bżonnu wkoll. F’idejh biex jiddeċiedi fl-aħħar mill-aħħar imma żgur li l-pajjiż għandu bżonn rappreżentant ta’ tant ħila bħal ma hu Alfred Sant.”
F’kumment fuq facebook aktar tard wara nofsinhar Alfred Sant qal li s-soltu ma jiżvelax xi jkun qallu l-Prim Ministru Joseph Muscat.
“Imma dan qaluli dalgħodu fuq One fil-programm tar-radjo ta’ Sandro Craus. Fiċ-ċirkostanzi se tkun ħaġa diffiċli tinjora kliemu,” qal Alfred Sant meta irrfera għad-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru.
Alfred Sant qal li aktar tard din il-ġimgħa se jħabbar id-deċiżjoni tiegħu.