Fl-attività politika fix-Xagħra, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar żvilupp fil-proġett massiċċ ta’ spazju miftuħ u aħdar fil-qalba tar-Rabat Għawdex. Proġett li huwa wegħda elettorali ewlenija tal-Partit Laburista li jifforma parti mill-investiment ta’ seba’ mitt miljun ewro għal żieda ta’ spazji ħodor madwar il-pajjiż.
Qal, “Verament kienet aħbar li lqajt b’sodisfazzjon li fl-ewwel nofs ta’ din is-sena se nkunu f’pożizzjoni li nniedu l-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwar dan il-proġett tant importanti li se jsir fil-qalba tar-rabat u anke hawnhekk u f’kull wieħed minn dawn il-proġetti ambjentali kruċjali li l-Gvern jikkonsulta mal-komunitajiet u nieħdu l-ideat minn għandkom.”
Il-Prim Ministru rrefera wkoll għas-sentenza li tat il-Qorti b’rabta mal-konċessjoni tal-isptarijiet u hawnhekk wiegħed is-serħan il-moħħ lill-ħaddiema tas-saħħa u lill-pazjenti.
Dwar l-istess qasam, Dr Abela semma x’għandu pjanat il-Gvern għal Għawdex u għall-Għawdxin.
Stqarr, “Irid jismagħna nitkellmu l-poplu Għawdxi dwar il-pjanijiet li għandna dwar l-Isptar Ġenerali t’Għawdex, fosthom ix-xogħol li f’din il-leġiżlatura jrid jibda biex nibdew nibnu sptar ġdid f’Għawdex, għalikom l-Għawdxin.”
Fil-preżenza ta’ bosta Għawdxin il-Prim Ministru semma ħemel ta’ riżultati pożittivi li kiseb Għawdex tul l-aħħar snin, fosthom fil-qasam tax-xogħol.
Qal, “Qabel il-bidla, kien hawn anqas minn għaxart elef Għawdxi jaħdem f’Għawdex stess. Dan meta tgħodd il-privat u s-settur pubbliku. Illum għandna dak l-ammont kollu fil-privat biss. Għax Għawdex, kien għadu u jibqa’ fil-qalba tal-prijoritajiet ta’ dan il-Gvern.”
Dwar l-investiment Għawdxi, Robert Abela sostna kif fl-aħħar tliet snin, il-Malta Enterprise għenet kważi elf negozju f’inizjattivi maħsuba biex isaħħu u jkabbru l-operat tagħhom tant li ġie approvat mas-16 -il milkjun ewro f’investiment u ngħataw 17-il miljun ewro fi grants u krediti.
Hawnhekk innota wkoll id-differenza bejn l-investiment li qed iwettaq bħalissa l-Gvern f’din il-gżira ma’ dak li kien isir qabel taħt amministrazzjonijiet Nazzjonalisti.
Stqarr, “Fi żmienhom tafu kemm kienu jinvestu? Miżerja ta’ 24 miljun ewro, aħna qed ninvestu u nallokaw 60 miljun ewro, darbtejn u nofs iżjed.”
Ma naqasx li hawnhekk, Il-Prim Ministru jsemmi l-proġetti li qed isiru fil-komunitajiet f’Għawdex, fosthom dak ta’ aktar miljun ewro għal Ċentru Ċiviku ġdid fix-Xagħra.