Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat ħabbar li beda proċess biex jinħatar mexxej ġdid tal-Partit Laburista, li mbagħad isir ukoll Prim Ministru ta’ Malta.
F’messaġġ lin-nazzjon Joseph Muscat fakkar kif hu minn dejjem qal li Prim Ministru m’għandux jagħmel iktar minn żewġ leġiżlaturi u issa wasal il-mument li jippratika din il-parti tat-twemmin tiegħu.
“Il-kobor ta’ pajjiżna ma jiġix definit minn individwi. L-Aħna huwa akbar mill-jiena.
Se nkun qed nikteb lill-President tal-Partit Laburista biex jibda proċess li bih jingħazel Mexxej ġdid sa nhar il-Ħadd, 12 ta’ Jannar 2020. Dakinhar li jintgħazel mexxej ġdid għall-Partit Laburista jien nirrizenja minn Mexxej u nagħti f’idejn il-Mexxej ġdid. Fil-jiem ta’ wara nirriżenja minn Prim Ministru. “
Filwaqt li qal li informa b’dan kollu lill-President tar-Repubblika, Joseph Muscat qal li se jibqa’ jaqdi dmiru bhala Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista għall-ġimgħat li ġejjin.
F’messaġġ li matulu tkellem dwar numru ta’ temi, il-Prim Ministru fisser l-imħabba tiegħu għal pajjiżna.
“Bħala Prim Ministru u bħala Malti u Ghawdxi, ħabbejt pajjiżi. Ma kontx perfett, u kelli nuqqasijiet li tagħhom niskuża ruħi jien personalment, anki jekk kienu nuqqasijiet ta’ ħaddiehor. Nassigurakom li qatt ma nqast milli nagħti saħħti kollha biex inrodd lura dak li tajtuni intom.”
Bħala Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat għamel għaxar rebħiet elettorali bir-riżultati jkunu rekord fl-istorja politika ta’ pajjiżna.
“Naf li l-maggoranza l-kbira tal-poplu Malti u Għawdxi kienet u għadha tafda fija. Ta’ dan nirringrazzjakom minn qalbi. Minħabba din il-fiducja kien hemm min staqsieni Għaliex Issa. It-tweġiba tiegħi hi li hekk hemm bżonn.
Nemmen li dik il-fiduċja li wrejtuni għadha hemm u se nitlaq bil-komfort li dik il-fiduċja għadha fl-aqwa taghha.”
Joseph Muscat tenna wkoll li l-pajjiż baqalgħu ħafna x’jagħmel. Emfasizza li rridu naraw li nippreservaw legat ta’ ġid ekonomiku u ġustizzja soċjali mingħajr preċedent.
“Fadlilna ħafna x’nagħmlu u bil-ħidma tagħkom, pajjiżna għada jista’ jkun aħjar mil-lum bis-saħħa tal-fundamenti sodi li bnejna flimkien. Minn għada tkompli l-ħidma tagħna għal Malta.”